Barranin
L-attur Taljan Libero De Rienzo jmut b’attakk tal-qalb – kellu 44 sena

L-attur Naplitan Libero De Rienzo miet fl-età ta’ 44 sena b’attakk tal-qalb. Huwa nstab mejjet fir-residenza tiegħu f’Ruma.

De Rienzo rabat qalbu mad-dinja tal-ispettaklu grazzi għal missieru Fiore, li kien l-id il-leminija tad-direttur Francesco Maselli. Huwa kiseb suċċess permezz tal-film ‘Santa Maradona’ fl-2001, tant li sena wara ngħata d-David di Donatello bħala l-attur protagonist tal-film.

Sors: Claudio Onorati (ANSA)

Fost l-oħrajn, De Rienzo spikka maġenb l-attriċi popolarissima Vanessa Incontrada fil-film ‘A/R: Andata+ritorno’ li ħareġ fis-swali taċ-ċinema fl-2004. Fl-2009, huwa interpreta wkoll il-parti tal-ġurnalist Naplitan Giancarlo Siani fil-film ‘Fortapàsc’. Film, li ta l-ħajja lis-swali taċ-ċinema permezz ta’ rakkont dwar ġurnalist tal-ġurnal ‘Il Mattino’ li nqatel fl-1985 mill-Camorra.

De Rienzo kien miżżewweġ lil Marcella Mosca u jħalli warajh żewġt itfal ta’ sitt snin u ta’ sentejn.