L-Autobuses de Leon mistennija tibda topera f’Malta mit-8 ta’ Jannar

Mit-8 ta’ Jannar, il-kumpanija Spanjola Autobuses De Leon se tieħu f’idejha it-trasport pubbliku f’Malta. Il-ftehim ġie ffirmat kmieni is-Sibt filgħodu wara li d-diskussjonijiet baqgħu għaddejjin matul il-lejl. Bil-ftehim, in-nollijiet mhux ser jiżdiedu u s-sussidju tal-gvern fl-ewwel sena mistenni ikun ta’ €23 miljun.

Il-Ministru għat-trasport Joe Mizzi qal lil tvm.com.mt li l-kumpanija Spanjola se tixtri mingħand il-kumpanja Malta Public Transport li twaqfet temporanjament wara li telqet l-Arriva. L-Ispanjoli ser iħallsu €8 miljuni biex fost oħrajn jieħdu l-flotta tal-karozzi li kienu għaddew għand il-gvern mat-tluq tal-Arriva.

“Il-kumpanija aħna konna xtrajniha €1. Irriżulta li fil-perjodu tat-transizzjoni minn mindu spiċċat l-Arriva sa meta mexxejna aħna il-gvern, irnexxielna li minflok biegħejniha €1 euro biegħejniha €8 miljuni,” qal il-Ministru Joe Mizzi.

Il-Ministru qal li r-rottot il-ġodda mhux se jidħlu fis-seħħ mill-ewwel iżda se jibdew jahdmu gradwalment matul is-sena. Qal li bl-istess mod se jdaħħlu fis-seħħ l-infrastruttura tal-IT u dik tal-biljetti. Żied jgħid li l-kumpanija se tixtri 142 vettura ġdida ta’ daqsijiet differenti li għandhom jaslu Malta madwar seba’ xhur mindu jibda l-operatur il-ġdid.

Dwar in-nollijiet il-Ministru Mizzi qal li se jibqgħu l-istess u f’ċertu każi jistgħu anke jkunu orħos.

“Li qed ngħatu disinċentiv lil min jixtri biljetti mill-karozzi innifishom u ma jaqbillekx tixtri minn hemm pero se jkun hemm inċentivi li it-tariffi jibqgħu l-istess u se jkun hemm każi li jkunu orħos anke għall-istudenti,” spjega l-Ministru Mizzi.

Il-Ministru qal li l-Gvern se jara li jkunu infurzati r-regolamenti tat-traffiku biex jizgura li l-kumpanija tkun tista topera aħjar.

Is-Sur Mizzi qal li mhux biss se jinżammu il-ħaddiema iżda se jkunu qed jiżdiedu aktar xufiera minħabba li se jiżdiedu il-vetturi.

 

Aktar kmieni: Matul il-lejl li għadda ġie ssiġġillat il-ftehim tat-trasport pubbliku bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon.

Kelliema għall-Ministeru tat-Trasport ikkonfermat ma’ tvm.com.mt li l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku qabel li jħallas €8 miljuni għall-kumpanija Malta Public Transport Services – il-kumpanija tal-Gvern li nxtrat mill-Arriva għal €1 fil-bidu tas-sena.

Is-sussidju li se tingħata l-kumpanija Autobuses de Leon jammonta għal €23 miljun u mistennija tibda topera f’Malta mit-8 ta’ Jannar.