Lokali
L-Avukat Ġenerali u l-periti jappellaw mis-sentenza li fiha nstabu ħatja bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace

Il-periti Roderick Camilleri u Anthony Mangion kif ukoll l-Avukat Ġenerali appellaw għas-sentenza li fiha l-periti nstabu ħatja bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace u ngħataw xogħol fil-komunità.

TVM jinsab informat li l-periti appellaw mis-sentenza li sabithom ħatja bil-qtil. Il-ġurnal Times of Malta rrapporta li l-Avukat Ġenerali ressaq l-appell ilbieaħ. Madanakollu s’issa l-partijiet involuti għadhom mhux mgħarrfa. Għaldaqstant ir-raġunijiet tal-appell għadhom mhumiex magħrufa.

Fl-1 ta’ dan ix-xahar, il-Perit Roderick Camilleri u l-Perit Anthony Mangion instabu ħatja li f’Marzu tas-sena li għaddiet, bi traskuraġni ikkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace, meta l-omm ta’ 54 sena ntradmet f’darha waqt li kienu għaddejjin xogħlijiet ta’ skavar f’sit li jmiss mar-residenza tagħha fil-Ħamrun.

Fis-sentenza tiegħu twila kważi mitt paġna, il-Maġistrat Mifsud qal li wara li l-qorti eżaminat l-evidenza kollha, issib lill-Perit Roderick Camilleri ħati u kkundannah għal ordni ta’ servizz fil-komunità ta’ 480 siegħa. Huwa kien qal li mhux sew li tbati l-familja Camilleri, u nnota li l-familja Pace riedet li ssir ġustizzja u mhux inġustizzja. Huwa kkundannah ukoll multa ta’ €10,000 għal qtil involontarju.

Fir-rigward ta’ Anthony Mangion, il-qorti kkundannatu jagħmel ukoll servizz fil-komuntà ta’ 400 siegħa f’post li jintgħażel flimkien mal-probation officer. Huwa ġie mmultat ukoll iħallas multa ta’ €8,000. Huma ġew ordnati wkoll iħallsu kważi €40,000 fi spejjeż tal-qorti.

Dwar il-warrant, il-Qorti kienet qalet li għalkemm kien hemm nuqqasijiet serji miż-żewġ periti, ma tqisx li għandha tiskwalifikahom mill-warrant tagħhom minħabba r-raġunijiet li semmiet fil-kunsiderazzjoni dwar l-piena.

Dwar dan il-każ għaddejjin proċeduri kriminali wkoll fil-konfront tal-kuntrattur Ludwig Dimech ta’ 37 sena u Nicholas Spiteri, bennej ta’ 42 sena.

Din is-sentenza ġabet magħha diversi reazzjonijet fosthom tal-Kamra tal-Periti. L-għada tas-sentenza, il-Kamra tal-Periti kienet qalet li se tkun qed tiftaħ mill-ġdid iż-żewġ investigazzjonijiet li kienu ġew sospiżi, fil-konfront taż-żewġ periti li ġew akkużati u li nstabu ħatja għall-qtil involontarju ta’ Miriam Pace. Il-Kamra kienet spjegat li l-ewwel irid jiġi stabbilit jekk il-prosekuzzjoni jew il-partijiet misjuba ħatja humiex ser jappellaw is-sentenza. F’każ t’appell, il-Kunsill ikun irid jistenna l-eżitu tiegħu u tipproċedi abbażi tas-sentenza finali. Kienet qalet li f’każ li ma jsirx l-appell, hija se tkun qed tanalizza s-sentenza sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm merti ta’ dixxiplina li ma ġewx indirizzati fil-kawża kriminali, inkluż ksur tal-kodiċi tal-kondotta, ksur ta’ direttiva tal-Kamra, imġiba mhux professjonali jew negliġenza, u aġir li jiskredita l-professjoni.