Politika
L-Awditur Ġenerali jimplika kollużjoni fil-ftehim ma’ Vitals fuq l-isptarijiet

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara f”rapport kritiku għall-aħħar dwar il-kuntratt tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet jgħid, fost oħrajn, li sab evidenza li tindika azzjoni kollużiva bejn partijiet li aġixxew f’isem il-Gvern mal-investituri ta’ VGH li tagħmel il-proċess kollu dubjuż, irrispettivament minn jekk il-proċess kienx konformi mar-rekwiżiti proċedurali u regolatorji tal-gvern. Ir-rapport tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra tad-deputati mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

L-Awditur Ġenerali sab nuqqas serju ta’ governanza u integrità fil-proċeduri li ntużaw mill-gvern biex ngħatat din il-konċessjoni tal-isptarijiet lil Vitals. F’rapport ta’ aktar minn mitejn paġna, l-Awditur Deguara jesprimi tħassib li kien il-ftehim li allegatament sar ma’ numru mill-investituri ta’ VGH qabel ma nħarġet is-sejħa għall-offerti, u dan fil-fehma tiegħu kien ipprovda raġunijiet għall-iskwalifika ta’ VGH mill-offerti.

Fir-rapport jingħad li l-koinċidenza bejn dan il-ftehim mal-VGH u l-konċessjoni kienet ċara u ħolqot dubju u tħassib kbir rigward l-integrità tal-konċessjoni eventwali. Iżid jgħid li t-tħassib tal-Uffiċċju tal-Awditur jiżdied fid-dawl tan-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jipprovdi lill-Uffiċċju tal-awditur kopja tal-ftehim.

Is-Sur Deguara jgħid li l-uffiċċju tiegħu nnotata nuqqasijiet sinifikanti fil-proċessi li wasslu biex ħarġet is-sejħa għall-offerti. Jinnota li d-diviżjoni tas-Saħħa fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa ma kinitx involuta kif wieħed kien jistenna, għax il-proċess tmexxa mid-diviżjoni tal-Enerġija. Ir-rapport jirrimarka wkoll li l-Ministeru tal-Finanzi ma ġiex ikkonsultat dwar l-obbligi finanzjarji li l-gvern kien ser jidħol fihom bil-ftehim. Jgħid ukoll li lanqas l-awtorizzazzjoni tal-Kabinett ma kinitx mitluba qabel il-ħruġ tas-sejħa tal-offerti.

L-Awditur jistqarr li ta’ tħassib akbar f’termini ta’ governanza kien il-fatt li l-ebda awtorizzazzjoni ministerjali ma kienet mitluba jew provduta b’rabta ma’ din il-konċessjoni, li qal li għalhekk tirriżulta f’xenarju anomalu fejn tliet sptarijiet pubbliċi ngħataw biex jiġu operati minn terzi mingħajr ma ħadd attwalment assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni.

L-awditur isemmi li l-istudju tal-fattibiltà għad-deċiżjoni tal-gvern kien nieqes minn analiżi indipendenti. Jinnota li fis-sejħa għall-offerti kien hemm diversi nuqqasijiet, li l-iktar sinifikanti kienet is-suġġettività tal-kriterji ta’ evalwazzjoni. Jgħid li għalkemm l-offerta mressqa minn VGH issodisfat il-ħtiġijiet stabbiliti mill-Gvern, huwa tal-fehma li l-offerta kienet b’saħħitha fil-forma iżda nieqsa fis-sustanza.

Ir-rapport li sar fuq it-talba tal-kumitat għall-kontijiet pubbliċi jżid juri t-tħassib serju tal-uffiċċju tal-awditur għad-dokumentazzjoni tal-VGH bħala prova ta’ aċċess għall-finanzjament. Jgħid li ittra maħruġa mill-Bank of India li tissanzjona l-finanzjament għal “Malta Healthcare Projects” u mressqa minn VGH kienet datata 13 ta’ Marzu 2015, ġimagħtejn qabel ħarġet is-sejha għall-offerti.

L-Awditur stqarr li jqis din l-ittra bħala prova tal-għarfien minn qabel ta’ VGH dwar il-proġett ippjanat u prova tal-kollużjoni mal-
Gvern jew mar-rappreżentanti tiegħu. Nuqqasijiet notevoli oħra identifikati mill-awditur huma relatati mal-elementi professjonali u tekniċi tal-offerta tal-Vitals. Fost oħrajn l-awditur jgħid li kien evidenti li l-perjodi ta’ żmien indikati minn VGH għall-iżvilupp mill-ġdid tal-isptarijiet ma kinux realistiċi. Bl-istess mod, il-projezzjonijiet dwar it-turiżmu mediku kienu ambizzjużi żżejjed meta wieħed jikkunsidra li kien id-dħul previst minn dan is-sors li kellu jagħmel il-proġett fattibbli.

Ir-rapport jgħid li l-offerta minn VGH ġiet ivvalutata mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni f’termini tas-saħħa kummerċjali, teknika u finanzjarja tagħha, u l-grad sa fejn din qabżet ir-rekwiżiti minimi li kienu speċifikati fis-sejħa għall-offerti. Jgħid li din l-evalwazzjoni kienet nieqsa minn analiżi kritika, b’diversi partijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni kien ripetizzjoni tal-offerta tal-VGH. L-awditur ikkonkluda li l-marki mogħtija f’dan il-proċess ma kinux kompletament mistħoqqa. Ir-rapport juri ukoll tħassib anke dwar l-evalwazzjoni tal-Kumitat dwar is-Saħħa Finanzjarja ta’ VGH, il-kwalifiki professjonali u tekniċi tal-Vitals.

Ir-rapport jgħid li dawn il-kunsiderazzjonijiet, iridu jiġu kkunsidrati f’kuntest ferm aktar sinifikanti relatat mal-integrità tal-proċess kollu tal-akkwist. L-awditur qal li l-evidenza li tindika azzjoni kollużiva bejn partijiet li aġixxew f’isem il-Gvern mal-investituri
ta’ VGH tagħmel il-proċess kollu dubjuż, irrispettivament minn jekk il-proċess kienx konformi mar rekwiżiti proċedurali u regolatorji.
L-Uffiċċju tal-Awditur ikkonkluda li l-verifika mill-Gvern tal-VGH bħala l-offerent ippreferut għat-tmexxija tal-isptarijiet pubbliċi ma kinitx adegwata.

L-Awditur Deguara spjega li dar-rapport jieqaf biss mal-proċeduri tal-għoti tal-konċessjoni għat-tmexxija tal-isptar San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali t’ Għawdex u għad jonqos żewġ rapporti oħra mill-Uffiċċju tiegħu dwar ir-rasferiment eventwali lil Steward Health Care.

Ara r-reazzjoni tal-eks Ministru Konrad Mizzi, tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, tal-Kap tal-Opożizzjoni Adrian Delia u tal-Gvern:

Konrad Mizzi jappella lill-Gvern biex jippubblika l-ftehim ma’ Vitals

Chris Fearne isostni li ma kellux x’jaqsam mal-ftehim ta’ Vitals

Adrian Delia jistaqsi jekk il-Gvern hux se jispjega dwar il-kuntratt tal-Vitals

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Dr Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru, ippreżentat total ta’ €8,000 f’donazzjonijiet li nġabru waqt l-ewwel edizzjoni ta’ ‘A Night at the Palace’, lill-għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-annimali. Waqt li…

Agrikultura

L-istaġun tal-ħsad tal-għeneb għall-għasir infetaħ mill-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo, fil-preżenza tal-produtturi tal-inbid Malti. Il-Ministru qal li l-inbid Malti huwa wieħed ta’ kwalità għax l-industrija aġġornat maż-żminijiet. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Agrikoltura Saviour…

Lokali

Ġie inawgurat uffiċjalment il-proġett ta’ tour virtwali fil-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Dan il-proġett, mgħejjun mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, inħoloq matul il-pandemija tal-COVID-19 bil-ħsieb li l-katidral xorta waħda jiftaħ il-bibieb…

Storja

Heritage Malta għadha kif fetħet tliet siti ta’ importanza storika li jinsabu f’qiegħ il-baħar biex issa l-aġenzija għandha 15-il sit marittimu b’importanza arkeoloġika. Is-siti huma B-24 bomber Liberator Amerikan li…

Aktar