Immigrazzjoni
L-Awditur Ġenerali jgħid li Malta qed iġġorr “piż sproporzjonat” bl-immigrazzjoni

F’rapport li għadu kemm ippreżenta lill-Parlament l-Awditur Ġenerali kkonkluda li bħala l-iżgħar stat membru tal-UE Malta qed iġġorr “piż sproporzjonat” minħabba n-numru relattivament kbir ta’ immigranti irregolari li qed jaslu fuq xtutna.

Din kienet il-konklużjoni ewlenija tar-rapport ta’ verifika li fih huwa għamel evalwazzjoni tal-proċess għall-protezzjoni internazzjonali l-iktar fejn jidħol il-wasliet u d-detenzjoni, is-sitwazzjoni fiċ-ċentri miftuħa u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet matul l-2018 u l-2019.

Ir-rapport juri li fl-2019 in-nefqa tal-Gvern fuq protezzjoni internazzjonali laħqet kważi €26 miljun b’€2 miljun kienu ġejjin mill-UE.

Għalkemm matul is-snin amministrazzjoni wara oħra żiedet sostanzjalment ir-riżorsi biex tkun indirizzata l-immigrazzjoni irregolari n-numru kbir ta’ wasliet ta’ immigranti, partikolarment fl-2019, ħalla impatt serju fuq l-andament kollu tal-proċess tal-ażil.

L-Awditur Ġenerali jsemmi kif il-perjodu ta’ detenzjoni għall-persuni li jkunu waslu Malta b’mod irregolari u li kienu qed ifittxu l-ażil sar aktar diffiċli l-aktar għax iċ-ċentri ta’ detenzjoni kienu ffullati u nieqsa mill-manutenzjoni.

“Is-sitwazzjoni aggravat aktar minħabba li n-numru ta’ impjegati ma kienx biżżejjed, kien hemm nuqqas ta’ sistemi tal-informatika, kif ukoll nuqqasijiet oħra fiż-żamma tal-informazzjoni”.

Huwa jżid li ċentri miftuħa mmexxija mill-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li qed ifittxu l-Ażil (AWAS) kienu mimlija jew kważi mimlija u minbarra l-iffullar dawn iċ-ċentri kellhom bżonn aktar impjegati biex jipprovdu livell għoli lir-residenti.

€12-il miljun biex jitmexxew iċ-ċentri tal-Gvern

In-nefqa fuq l-akkomodazzjoni fiċ-ċentri miftuħa mmexxija mill-AWAS, matul l-2019, kienet ta’ €12-il miljun u kienet tvarja minn €14 kull lejl fil-villaġġ tat-tined f’ Ħal Frar għal €52 kull lejl f’Dar il-Liedna.

Fir-rigward tal-għajnuna tal-Gvern lill-NGOs li jaħdmu mal-immigranti jirriżulta li matul l-2019 din kienet ta’ €446,909, medja ta’ €4.82 għal kull persuna kuljum. Matul l-imsemmija sena l-NGOs ipprovdew 14.7% tas-sodod biex jorqdu fihom l-immigranti.

Mir-rapport joħroġ li matul l-2019 dik li kienet magħrufa bħala l-Kummissjoni Refuġjati rċeviet 4,022 applikazzjoni ġdida, kważi d-doppju ta’ dak li rċeviet fl-2018.

Mir-rapport joħroġ ukoll li fl-aħħar tal-2019 in-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti għal protezzjoni internazzjonali kien ta’ 3,574 fosthom aktar minn 800 li kienu mis-snin ta’ qabel.

Kien hemm ftit każijiet ta’ applikazzjonijiet pendenti li kienu jmorru lura għall-2016 u matul l-2019 in-numru ta’ appelli pendenti għand dak li kien l-Bord tal-Appell tar-Refuġjati kien ta’ 668.

Ir-rapport iżid jgħid li għalkemm applikanti li ma jingħatawx protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu notifikati b’deċiżjoni ta’ ritorn segwita b’ordni ta’ tneħħija, madankollu l-entitajiet lokali  jiffaċċjaw bosta sfidi meta jiġu biex jibagħtu lil dawn il-persuni lura.