Lokali
L-Awditur Ġenerali jgħid li mhux nies tiegħu li qed jiżvelaw informazzjoni selettiva fil-midja

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-NAO iddeplora l-fatt li siltiet minn abbozzi ta’ investigazzjonijiet li għadhom qed jiġu diskussi mal-partijiet interessati, qed jitwasslu lill-mezzi tax-xandir minn persuni li skontu m’għandhom l-ebda rabta mal-Uffiċċju tiegħu.

L-informazzjoni dwar waħda mill-investigazzjonijiet li qed jagħmel dan l-uffiċċju ġiet ippubblikata dalgħodu fil-gazzetta The Times. Din hija t-tieni darba f’anqas minn ġimagħtejn li tali informazzjoni selettiva minn dan l-uffiċċju ġiet żvelata fil-midja.

Fl-istqarrija tiegħu, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika qal li kif stabbilit mill-istandards internazzjonali tal-verifika, l-NAO għandu l-impenn kontinwu ma’ dawn il-partijiet interessati ewlenin involuti, li fi spirtu ta’ fiduċja u trasparenza, iżommhom infurmati b’dak kollu li jkun għaddej waqt ix-xogħol tiegħu.

Għalhekk, l-NAO stqarr id-diżappunt kbir tiegħu kif nies, bl-aġenda partikolari tagħhom u bl-intenzjoni li jostakolaw u jfixklu x-xogħol tal-Uffiċċju, qed jaslu jxerrdu bl-aktar mod irresponsabbli tagħrif u informazzjoni qabel dawn lanqas biss ikunu ġew uffiċjalment ippubblikati.