Lokali
L-Awditur Ġenerali jipproponi titjib fil-qafas etiku li jiggwida lill-impjegati pubbliċi

L-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, f’rapport li ppreżenta lill-Parlament ippropona titjib fil-qafas etiku li jiggwida lill-impjegati pubbliċi wara li qies l-infrastruttura etika li tiggwida lill-impjegati pubbliċi. L-Awditur eżamina l-gwidi etiċi li joħorġu mil-liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, il-Kodiċi tal-Etika u l-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku u sab fost oħrajn li jista’ jkun hemm rabta aħjar bejn it-tlieta.

L-Awditur Charles Deguara qal li għamel evalwazzjoni tal-infrastruttura li tirregola l-imġiba etika tal-uffiċjali pubbliċi għaliex qal li dan jorbot mal-mira strateġika tal-Uffiċċju tal-Awditur biex tiġi assigurata r-responsabilità fl-użu tar-riżorsi pubbliċi. Waqt li eżamina l-liġi u l-kodiċijiet relatati mal-uffiċjali tas-servizz pubbliku, l-Awditur qabbilhom ma’ gwidi internazzjonali. Fir-rapport l-Awditur qal li ffoka fuq erba’ prinċipji, fosthom il-kunflitti ta’ interess u r-rigali u impjiegi li jingħataw meta jirtiraw mis-servizz.

Huwa sab li l-liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika tal-2019 flimkien mal-Kodiċi tal-Etika u mal-kodici tas-servizz pubbliku jipprovdu gwida komprensiva dwar l-elementi ewlenin ta’ kondotta etika. Iżda huwa tal-fehma li għalkemm il-qafas etiku huwa komprensiv, hemm skop għal titjib billi l-uffiċjali pubbliċi jkun iggwidat aħjar jekk jiġi pprovdut qafas dwar kif dawn id-dokumenti jikkumplimentaw lil xulxin. Żied jgħid li hemm bżonn reviżjoni f’okkażjonijiet fejn hemm diverġenzi li jistgħu joħolqu ambigwità.

L-awditur nnota li xi drabi l-informazzjoni mogħtija bħala gwida kienet vaga, filwaqt li l-prinċipju etiku kien ċar, kienu nieqsa parametri definiti. Żied jgħid li fir-rigward tal-kunflitti ta’ interess, il-qafas etiku jiddependi fuq l-integrità individwali. Iżid jgħid li l-qafas etiku jista’ jkun effettiv biss jekk ikun hemm proċessi biex isegwu u jaġixxu fuq dikjarazzjonijiet sottomessi mil-impjegati pubbliċi.

Fost oħrajn l-awditur nnota differenzi fil-provvedimenti li jirregolaw jekk uffiċjal pubbliku għandux jaċċetta rigali. Qal li dan, flimkien man-nuqqas ta’ definizzjoni ċara ta’ xi jfissru rigali u dak li hu meqjus bħala aċċettabbli u dak li mhux, joħloq aktar inċertezza li qal għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ ftehim ċar ta’ x’jinvolvi rigal u l-iffissar ta’ limiti fil-valur.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Tim ta’ ħmistax-il professjonist Malti f’Londra jinsabu qrib li f’isem Puttinu Cares jixtru proprjetà fiċ-ċentru ta’ Londra b’għoxrin appartament għall-pazjenti Maltin li jitilgħu għall-kura fl-isptarijiet ta’ Londra. Il-Perit Mark Borg…

Lokali

Bis-sħana tkompli tikkarga u b’aktar nies ifittxu x-xtut u l-bajjiet, l-iskart f’dawn il-postijiet jiżdied ġmielu anke jekk l-uffiċjali mill-Ministeru għall-Ambjent qed jinnutaw titjib meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Minkejja li…

Lokali

Surġent u sitt kuntistabbli tal-pulizija li kienu jaħdmu fit-taqsima tat-traffiku tal-korp illum tressqu l-Qorti b’akkużi ta’ frodi u dikjarazzjonijiet foloz b’rabta mal-extra duties għall-kontroll tat-traffiku li kienu miftehma jagħmlu fuq…

Aktar