AĠĠORNAT: L-Awditur isib irregolaritajiet fil-kirja tal-GWU lill-ARMS

L-Awditur Ġenerali li intalab jinvestiga jekk il-kirja ta’ uffiċini fil-Workers Memorial Building mill-General Workers Union lill-kumpanija ARMS tikser il-ftehim taċ-ċens tal-post li sar mal-gvern lill-Union fl-1957 u kif emendat fl-1997. L-Awditur stabilixxa li l-kirja tal-uffiċini lill-Arms bir-rata ta’ kwazi €62,000 fis-sena tikser il-ftehim taċ-ċens minħabba li l-Union mhix azzjonista fil-kumpanija Arms.

F’rapport lill-Parlament, l-Awditur qal li dan il-ksur tal-ftehim zgur kien għal perjodu meta bdiet il-kirja f’April 2014 sa Mejju tal-2015 meta l-General Workers Union fdiet iċ-ċens tal-Workers Memorial Building bil-prezz ta’ €16,000. Fir-rapport l-awditur jirrimarka li d-divizzjoni tal-propjetajiet tal-gvern naqset li taġixxi fuq dan il-ksur tal-ftehim anki meta saret taf b’dan it-trasferiment.

L-awditur jgħid li s-sitwazzjoni wara Mejju ta’ din is-sena wara li l-Union fdiet iċ-ċens hija inqas ċara jekk il-kirja lill-ARMS għadiex bi ksur tal-ftehim oriġinali li kien jipprovdi li l-union ma setgħetx tikri parti mill-binja lill-kumpaniji li fihom hija ma kelliex 51 fil-mija tal-ishma. L-awditur irrimarka li din l-irregolarita tapplika ukoll fil-każ ta’ Sciacca Grill u Vjaggi Untours qabel il-fidi taċ-ċens. Żied jgħid li s-sitwazzjoni wara l-fidi taċ-ċens f’Mejju li għadda hija inqas ċara u fil-fehma tal-Awditur Ġenerali, dan il-każ irid jiġi deċiż bi proċedura legali biex ikun determinat jekk dawn il-kirjiet issa humiex regolari jew le.

Intant, fi stqarrija tard filgħaxija l-Gvern qal li rċieva u qed jieħu nota tar-rapport tal-Awditur Ġenerali fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ ċnus bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union. Il-Gvern jinnota li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali filwaqt li jgħid li kien hemm irregolaritajiet fil-mod kif il-GWU kriet il-bini tagħha, fl-istess ħin il-Gvern jistqarr li ‎hemm pariri legali kunfliġġenti dwar il-pożizzjoni ta’ dawn il-kirjiet illum il-ġurnata minħabba l-GWU fdiet iċ-ċnus u allura l-pożizzjoni legali tagħha jista’ jkun li giet regolarizzata. L-istqarrija ttemm tgħid li l-Gvern se jkun qed jgħaddi r-rapport tal-Awditur Ġenerali lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, sabiex dan jagħti l-pariri legali kollha neċessarji sabiex il-Gvern jissalvagwardja d-drittijiet kollha tiegħu.