Politika
L-Awditur jiddikjara li l-konċessjoni lid-DB tirrifletti l-valur tal-art, iżda jinnota nuqqasijiet

L-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, f’rapport dwar il-konċessjoni tal-Gvern lill-Grupp DB għall-proġett flok l-Istitut tal-Istudji Turistiċi f’San Ġiljan, stabilixxa li l-valur finali tal-art wara li ġie rivedut il-proġett, jaqbel ma’ dak miftiehem bejn il-Gvern u l-grupp DB.

Madankollu l-awditur innota diversi nuqqasijiet fil-proċess, waqt li osserva li l-grupp DB kien l-uniku li fl-2015 għamel l-offerta għal dan il-proġett. L-awditur iżda kien kritiku għan-nuqqas ta’ involviment tad-dipartiment tal-artijiet, u għax qal li ma ngħatatx prijorità l-ispiża għar-rilokazzjoni tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi.

Fir-rapport tal-awditur, li tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra tad-deputati, jingħad fost oħrajn li l-valutazzjoni tal-art, skont l-awditur, fl-2016 kienet tiswa €67 miljun waqt li l-istima tal-gvern kienet ta’ €56 miljun. Irrimarka iżda li bl-iżvilupp approvat fl-2018, il-firxa tal-iżvilupp naqset u għaldaqstant, l-awditur irreveda l-istima tiegħu għal €45 miljun. L-awditur Charles Deguara qal li din l-istima tikkorrispondi ma’ dik stabbilita fil-kuntratt.

Fir-rapport tiegħu, l-awditur spjega li l-proċess għal din il-konċessjoni beda f’Novembru tal-2015 u ġie konkluż fl-2017. Spjega li l-offerta oriġinali tal-Grupp DB kienet ta’ €17-il miljun u wara negozjati li fihom il-gvern kien mgħejjun minn Deloitte, il-valur ġie stabbilit għal €56 miljun u ġie approvat mill-kabinett, biex il-grupp ingħata konċessjoni għal 99 sena.

L-istħarriġ tal-awditur dwar dan il-kuntratt ħa aktar minn sena. Fir-rapport is-sur Deguara jgħid li l-oriġini tad-deċiżjoni li jiġi trasferit is-sit baqgħet mhux ċara. Żied jghid li huwa ta’ thassib li ma sabx l-informazzjoni li tispjega din id-deċiżjoni jew min kien involut fiha, bl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tat-Turiżmu jassenjaw responsabbiltà lil xulxin.

Ir-rapport jghid li d-deċiżjoni li jiġi trasferit is-sit ingħatat prijorità fuq ir-rilokazzjoni tal-ITS, meta kellu isir bil-kontra ghaliex l-gvern iddispona mis-sit b’urġenza minkejja li ma kellu ebda post alternattiv għall-ITS. Fir-rigward tat-trasparenza, l-uffiċċju tal-awditur wera tħassib dwar l-informazzjoni mogħtija fis-sejħa għal proposti. Qal li għalkemm l-element residenzjali tal-proġett kien il-qofol biex tiġi assigurata l-vijabbiltà tiegħu, dan l-element ingħata importanza limitata.

L-awditur osserva li għalkemm fil-proċess ta’ negozjar inkiseb valur ogħla, fil-Kumitat tan-Negozjar ċerti membri naqsu milli jipprovdu kwalunkwe kontribut. Innota wkoll li ma nżammet l-ebda dokumentazzjoni dwar in-negozjati u b’hekk, qal l-awditur, il-Kumitat naqas mil-livell mistenni ta’ governanza.

Dwar ir-rilokazzjoni tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi, l-awditur qal li l-ispiża tal-Gvern biex jiġi rranġat il-kampus temporanju f’Ħal Luqa kienet ta’ żewġ miljun ewro, filwaqt li l-ispiża tal-kampus ġdid fi Smart City kienet stmata li tilhaq €80 miljun. Ir-rapport innota wkoll in-nuqqas tad-dipartiment tal-artijiet mill-proċess li wassal għat-trasferiment tas-sit, waqt li Projects Malta kellha l-kontroll fuq il-proċess.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

80 ħaddiem barrani li nstabu joqogħdu f’lukanda f’Tas-Sliema li suppost hi magħluqa b’avviż ta’ infurzar ġew ordnati mill-Awtorità tat-Turiżmu biex imorru joqogħdu f’post ieħor. Television Malta jinsab infurmat li dawn…

Lokali

Diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa kellhom jieħdu d-deċiżjoni diffiċli biex waqt li jservu fl-isptar fost pazjenti bil-Coronavirus, jinfirdu mill-għeżież tagħhom u jmorru joqgħodu band’ oħra. F’din is-sitwazzjoni, il-fergha taż-Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika…

COVID-19

Koki li jaħdmu f’diversi ristoranti li jinsabu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet li saru, ma spiċċawx b’idejhom fuq żaqqhom għax xammru l-kmien u b’mod volontarju qed iħejju ikliet bnini għal ħaddiema fost…

COVID-19

It-tliet deputati Nazzjonalisti Għawdxin, Chris Said, Frederick Azzopardi u Kevin Cutajar qalu fi stqarrija li l-miżuri li tħabbru lbieraħ għall-isptar ta’ Għawdex huma fid-direzzjoni t-tajba, anke għax huma fost il-miżuri…

Aktar