Unjoni Ewropea
L-awdituri tal-UE jiġbdu l-attenzjoni għar-riskji relatati mar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit

F’opinjoni li ġiet ippubblikata llum, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) qed tqajjem xi tħassib dwar il-proposta reċenti għal Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit.

Qalet li dan il-fond ta’ €5 biljun huwa għodda ta’ solidarjetà li hija intenzjonata biex tappoġġa lil dawk l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-setturi li huma l-aktar milquta mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Skont l-awdituri, filwaqt li l-proposta tipprevedi flessibbiltà għall-Istati Membri, it-tfassil tar-Riżerva joħloq għadd ta’ inċertezzi u riskji.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li, b’segwitu għall-adozzjoni tar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, 80% tal-fond (EUR 4 biljun) jingħataw lill-Istati Membri fil-forma ta’ prefinanzjament. L-Istati Membri jiġu allokati s-sehem tal-prefinanzjament tagħhom fuq il-bażi tal-impatt stmat fuq l-ekonomiji rispettivi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ fatturi: il-kummerċ mar-Renju Unit
u l-ħut maqbud fiż-żona ekonomika esklussiva tiegħu.

Skont dan il-metodu ta’ allokazzjoni, l-Irlanda ssir il-benefiċċjarju prinċipali tal-prefinanzjament bi kważi kwart tal-pakkett (EUR 991 miljun), segwita min-Netherlands (EUR 714 miljun), il-Ġermanja (EUR 429 miljun), Franza (EUR 396 miljun) u l-Belġju (EUR 305 miljun).

B’mod partikolari, l-awdituri tal-UE qed jiġbdu l-attenzjoni għall-arkitettura tar-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, li fl-ambitu tagħha l-Istati Membri jkunu jirċievu livell għoli mhux tassoltu ta’ prefinanzjament mingħajr ma jkollhom għalfejn jagħtu dettalji bil-quddiem lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati. Filwaqt li dan ikun jippermetti
reazzjoni rapida għas-sitwazzjoni eċċezzjonali, l-eliġibbiltà u x-xerqien ta’ dawn il-miżuri ma jiġux ivvalutati mill-Kummissjoni qabel tmiem l-2023.

L-awdituri jwissu li l-istruttura jżidu r-riskju li jintgħażlu miżuri li ma jkunux ottimali u eliġibbli.

Barra minn hekk, il-proposta tispeċifika li l-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-implimentazzjoni tal-miżuri
għandu jkun minn Lulju 2020 sa Diċembru 2022. Madankollu, l-awdituri jwissu li l-Kummissjoni ma
tipprovdix raġunament għall-għażla ta’ dan il-perjodu ta’ eliġibbiltà u lanqas teżamina l-idoneità
tiegħu.