Annimali
L-Awstralja tilfet terz tal-koalas fl-aħħar tliet snin

Fl-aħħar tliet snin l-Awstralja tilfet kważi terz tal-koalas li hemm fil-pajjiż.

Kienet il-Fondazzjoni Awstraljana għall-Koalas li wissiet li f’dan il-perjodu l-koalas naqsu bi 30%.

It-tnaqqis fin-numru tal-koalas kien attribwit l-aktar għan-nirien fil-foresti u l-qtugħ tas-siġar.

Skont l-għaqda fadal biss madwar 58,000 koala meta fl-2018 kien hemm 80,000.

L-agħar stat milqut huwa dak ta’ New South Wales fejn il-koalas naqsu b’41%.

L-għaqda ħeġġet lill-Gvern Awstraljan biex jipproteġi l-abitat tal-koalas.