Lokali
L-Awtorità tad-Djar se tibda taqdi lin-nies minn Raħal Ġdid ukoll

L-Awtorità tad-Djar għadha kemm estendiet is-servizzi tagħha fl-uffiċini ta’ servizz.gov f’Raħal Ġdid.

B’dan l-arranġament, rappreżentanti tal-awtorità se jkunu f’dawn l-uffiċji darba fil-ġimgħa bil-għan li jitnaqqas l-inkonvenjent għal dawk li jgħixu f’dawn in-naħat ta’ Malta.

Waqt żjara f’dawn l-uffiċini, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li din hi parti mill-istrateġija tal-Gvern biex l-Awtorità tad-Djar tkun aktar sensittiva b’kuntatt dirett man-nies, kif ukoll parti mill-ħidma tal-Gvern biex tonqos il-burokrazija żejda.

Hu ħabbar li minn mindu beda jiġi offrut dan is-servizz fl-aħħar ġimgħat, l-awtorità diġa pproċessat 35 każ li kellhom x’jaqsmu mas-servizzi li toffri, fosthom applikazzjonijiet ġodda, rapporti ta’ manutenzjoni, tagħrif ġenerali, u ħlas ta’ kirjiet fost oħrajn.

Mhux eskluż li dan is-servizz jiġi estiż f’lokalitajiet oħra fiż-żmien li ġej.

Rappreżentanti tal-awtorità jkunu preżenti fl-uffiċċji ta’ servizz.gov, f’Casal Paola, Triq il-Knisja, Raħal Ġdid, kull nhar t’Erbgħa bejn it-8.00am u l-11.30am.