Lokali
L-Awtorità tal-Ippjanar b’linji gwida biex tħares l-integrità viżwali ta’ bini skedat

L-Awtorità tal-Ippjanar se tagħmilha aktar diffiċli biex jiġu approvati blokok ta’ appartament jew żvilupp ieħor qrib xi palazz, monument jew binja skedata. L-Awtorità ħarġet linji gwida aktar ċari dwar kif jiġu analizzati u ddeterminati applikazzjonijiet għall-iżvilupp qrib bini skedat jew monumenti. B’dawn il-linji gwida, se jiġi stabbilit aħjar il-kuntest ta’ kull bini skedat fosthom l-ambjent ta’ madwaru.

L-Awtorità tal-Ippjanar qalet ma tridx tilħaq kompromessi mal-protezzjoni ta’ bini skedat. Bil-għan li l-monumenti u binjiet storiċi jingħataw l-akbar importanza possibli, l-Awtorità ħarġet linji gwida għall-ħaddiema, case officers, il-bordijiet u l-kummissjonijiet fi ħdanha biex jirreferu għalihom meta jevalwaw proposti għall-iżvilupp li jkunu qrib binjiet skedati.

Id-Direttur tal-Ippjanar, Chris Borg qal li l-Awtorità ilha tipproteġi dawn is-siti iżda issa qed tiddefinixxi b’mod aktar ċar u tagħti piż akbar lill-kuntest taż-żona tagħhom. “Jiġifieri mhux se naraw biss il-binja u l-faċċati ta’ ħdejha jew quddiemha, imma anke t-toroq li jwaslu għaliha, l-ogħli tal-bini fil-viċinanza, ir-raħal innifsu, il-pożizzjoni tar-raħal mill-aspett ġeografiku fejn tinsab fil-gżira”.

Iċ-ċirkolari tal-Awtorità tispeċifika x’inhu mitlub mill-applikant u fuq xix għandhom jiddeċiedu l-uffiċjali tal-Awtorità meta jikkunsidraw applikazzjoni qrib bini protett bħal mhi Villa Frere fi Gwardamanġa li fl-aħħar jiem ngħatat l-ogħla grad ta’ protezzjoni, deċiżjoni li ntlaqgħet b’mod pożittiv mill-Perit Edward Said li jmexxi grupp imsejjaħ il-ħbieb ta’ Villa Frere.

“Li tħabbar illum hu pass kbir ħafna għax issa hemm dan l-impenn biex mhux biss is-siti jiġu mħarsa imma anke l-kuntest.

Il-Professur Keith Sciberras mill-Università ta’ Malta qal li jinsab sodisfatt ħafna li l-wirt komuni u l-integrità viżwali ta’ bini li fisser bħala straordinarju li hawn fil-gżejjer Maltin jitħares ferm aħjar. “Malta rikka arkitettonikament u storikament imma qed jiġri li kultant qed neqirdu u naħbu binjiet, li qed nitilfu l-istorja tagħna u meta inti titlef l-istorja, titlef l-identità”.

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar, Aaron Farrugia qal li l-kunċett ta’ ippjanar intelliġenti jfisser ukoll li hu obbligu tagħna li l-patrimonju li għaddewlna missirijietna, ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet futuri.