Lokali
L-Awtorità tal-Ippjanar tapprova l-permess għal 4 spazji miftuħa

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess għal ħolqien, tisbiħ u rinovar għal erba’ spazji miftuħa fis-Siġġiewi, fin-Naxxar, f’Ħad-Dingli u fil-Ħamrun.

Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-proġett fis-Siġġiewi jinkludi r-rijabilitazzjoni tal-Park ta’ Għar Lapsi fejn se jkun hemm fejn wieħed jilgħab bil-ballun, bl-art se jkollha materjal apposta għas-sigurtà. Fejn bħalissa hemm il-picnic area se jitħawlu diversi siġar. Il-proġett jinkludi wkoll sistema ta’ dawl ġdida li tnaqqas it-tniġiss.

Proġett ieħor huwa fin-Naxxar, fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permezz biex isir spazju miftuħ. Il-proġett jinkludi l-instalazzjoni ta’ gym fil-miftuħ, għamara ta’ barra u faċilitajiet oħra għal aktar aċċessibiltà.

F’Ħad-Dingli, l-Awtorità tal-Ippjanar tat permezz biex isir ġnien b’gym fuq barra u parkeġġ. Fil-Ħamrun, fi Triq il-Franġiskani se ssir pjazza miftuħa mgħammra b’għamara ta’ barra. Iż-żona tal-madwar se jsirilha xogħol ta’ tisbiħ.