Ippjanar u bini
L-Awtorità tal-Ippjanar tispjega għaliex 5 membri ma vvutawx dwar il-proġett tad-DB

L-Awtorità tal-Ippjanar iddikjarat li erba’ membri tal-bord ma vvutawx dwar il-proġett tad-DB f’Pembroke minħabba s-sentenza li kienet ingħatat mill-Qorti f’Ġunju 2019.

L-applikazzjoni tal-Grupp DB biex jibni lukanda ta’ 12-il sular u żewġ torrijiet ta’ 18-il sular b’appartamenti f’Pembroke kienet approvata lbieraħ b’erba’ voti favur, tlieta kontra waqt li ħames membri tal-bord astjenew.

L-Awtorità tal-Ippjanar spjegat li erba’ membri – il-Perit Vince Cassar, il-Professur Victor Axiak, Joseph Brincat, Annick Bonello – ma vvutawx minħabba s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019 tal-Qorti tal-Appell li fiha l-Prim Imħallef Mark Chetcuti annulla l-permess oriġinali minħabba kunflitt ta’ interess li kellu l-eks-membru tal-bord Matthew Pace.

Fl-istess sentenza l-Prim Imħallef kien irrimarka li membri tal-bord li kienu esprimew ruħhom dwar il-proġett bil-vot kellhom jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom meta l-applikazzjoni terġa’ tidher quddiemhom għall-vot.

Kien għalhekk, żiedet tgħid l-Awtorità tal-Ippjanar, li huma għażlu li ma jivvutawx.

Fil-każ tal-ħames membru tal-bord li ma vvutax, Dr Chris Cilia, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li dan għażel li ma jivvutax minħabba kunflitt ta’ interess professjonali.