Ippjanar u bini
AĠĠORNAT: L-Awtorità tal-Ippjanar tispjega l-pjan ta’ żvilupp għas-sit tal-Jerma

L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li fil-pjan ta’ żvilupp għas-sit tal-Jerma f’Wied il-Għajn, naqqset id-densità tal-iżvilupp minn 100,000 metru kwadru għal 65,000 metru kwadru.

Fi stqarrija l-awtorità spjegat kif qassmet dan il-pjan ta’ żvilupp, li jinkludi s-sit tal-Jerma u l-inħawi tal-madwar, f’erba’ żoni.

Spjegat li Żona A tkopri primarjament is-sit li fuqu kienet mibnija l-lukanda Jerma Palace Hotel fil-bidu tas-snin tmenin, u li tifforma 33% mis-sit li ddaħħal fil-pjan ta’ żvilupp. F’din iż-żona l-użu tal-art huwa propost għall-akkomodazzjoni turistika, residenzjali, faċilitajiet tal-ikel u x-xorb, u ħwienet tar-retail.

Il-bini huwa propost li jkun elevat u mqassam madwar pjazza, bi spazji miftuħa u mħaddra, bl-awtorità tgħid li d-disinn se jagħti lura r-rabta viżwali bejn it-torri ta’ San Tumas u l-baħar. Żiedet li se jkun hemm aċċess pubbliku għall-bajja permezz ta’ passaġġi.

Żona B hija l-bajja (foreshore), li tammonta għal 35% oħra tas-sit. Din intqal li se tinżamm fl-istat naturali tagħha u mingħajr ma jitwaqqaf b’xi mod l-aċċess tal-pubbliku għall-kumplament tal-bajja ‘l barra minn din iż-żona.

Żona Ċ tinkludi t-Torri ta’ San Tumas li huwa skedat fl-ewwel grad, u jifforma 26% mis-sit. L-awtorità qalet  li l-pjan ta’ żvilupp jinkludi r-restawr tat-torri u r-rijabilitazzjoni tad-ditch ta’ madwaru, b’dan ir-restawr li jrid isir minn ‘planning gain’ li qed jiġi impost mal-pjan ta’ żvilupp.

Żona D tkopri t-toroq pubbliċi, fejn intqal li se jiżguraw aċċess għall-proprjetà privata barra s-sit.

Il-pjan ta’ żvilupp jinsab miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika, bis-sottomissjonijiet li jridu jintbagħtu fuq l-indirizz [email protected] sad-29 ta’ Lulju.

Il-ġimgħa li għaddiet diversi għaqdiet ambjentali u kulturali fetħu kawża kontra l-Awtorità tal-Ippjanar minħabba li qalu li l-pjan ta’ żvilupp li dwaru sar l-eżerċiżżju ta’ konsultazzjoni bejn Ottubru u Novembru kien fih diversi irregolaritajiet.

Mistoqsija minn TVM, l-għaqdiet ikkonfermaw li dak imħabbar mill-Awtorità tal-Ippjanar dalgħodu huwa eżerċizzju ta’ konsultazzjoni ġdid, u li se jkunu qed jiflu l-pjan ta’ żvilupp rivedut.

Ara wkoll:

Għaqdiet ambjentali jiftħu kawża kontra l-PA fuq is-sit tal-Jerma

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħatar inkjesta skont il-liġi bil-għan li tistabilixxi l-fatti b’rabta ma’ każ fejn priġunier li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, kien rilaxxat mill-ħabs u deher…

Lokali

Il-Maltapost qalet li l-ħidma tagħha għadha ma ġietx lura għan-normal riżultat fost l-oħrajn ta’ tnaqqis b’aktar min-nofs fit-titjirjiet kummerċjali, iż-żieda fix-xiri online u l-akkumulazzjoni ta’ posta f’tliet pajjiżi Ewropej. Il-Maltapost…

COVID-19

Tħassar ukoll il-kunċert ta’ Joseph Calleja li din is-sena kellu jsir fl-4 ta’ Settembru fuq il-Fosos tal-Furjana u li issa mistenni jsir f’format differenti. NnG Promotions, l-organizzaturi tal-kunċert li bħala…

Annimali

Ilbieraħ, il-BirdLife Malta ġabret għasfur pjuttost rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies, li nstab ferut b’tiri ta’ senter fl-Għarb, Għawdex. Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li l-għasfur instab minn familja li…

Aktar