Konsumatur
L-awtorità tal-konsumatur se ssaħħaħ is-sistemi tagħha fix-xiri mill-internet

Fi żmien fejn il-kuntatt fiżiku huwa limitat u x-xiri onlajn kompla jikber fil-popolarità, sidien ta’ ħwienet bdew joffru pari passu s-servizzi u l-prodotti tagħhom onlajn.

Ix-xiri online qatt ma kien daqshekk faċli daqskemm hu llum. Bl-avvanz tat-teknoloġija tista’ tixtri dak kollu li toħlom bih minn kull rokna tad-dinja fil-kumdità ta’ darek.

Għalkemm il-vantaġġi huma bosta, dan il-proċess ħoloq sfidi ġodda għall-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, b’mod speċjali fl-aħħar sena, fejn fi kliem iċ-Chairperson tal-Awtorità, Helga Pizzuto, ix-xiri onlajn kompla jispoldi.

Bil-għan li l-istess regolamenti u infurzar li japplikaw għall-ħwienet lokali jsir ukoll fuq is-siti elettroniċi, l-MCCAA b’kollaborazzjoni mal-MEUSAC se tkun qed issaħħaħ is-sistemi tagħha sabiex tibqa’ t-tarka tal-konsumatur. Iċ-Chairperson tal-awtorità spjegat ma’ Television Malta li fiż-żmien li ġej se jsir investiment f’sistema u software ġodda li se jiffaċilitaw l-iskrutinju tal-awtorità fuq l-internet.

“Dan il-proġett li tkellimna dwaru llum li se nagħmlu b’mezz ta’ fondi tal-Ewropa hu biex ikollna sistemi li jgħinuha nagħmlu screening tal-websites li għandhom l-informazzjoni neċessarja, li huma trasparenti u li huma kemm jista’ jkun inkunu nistgħu naraw li qed isegwu l-liġijiet marbuta mad-drittijiet tal-konsumatur.”

L-inġinier Pizzuto spjegat li fuq livell Ewropew l-awtorità għandha punti ta’ kuntatt li magħhom tressaq ilmenti li jsiru minn konsumaturi lokali, filwaqt li għaddejja ħidma biex dan il-proċess jiġi applikat b’mod eħfef f’każijiet ta’ pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.

Apparti minn dan il-proġett, bl-għajnuna mill-MEUSAC, il-ħaddiema tal-awtorità se jkunu qed jirċievu taħriġ sabiex ikomplu javanzaw il-ħiliet tagħhom. Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li dan it-taħriġ se jtaffi l-pressjoni minn fuq il-Qrati.

“L-iskop tat-taħriġ kien fil-fatt biex il-ħaddiema jgħinu biex il-litigazzjoni ma tispiċċax fil-Qrati. Allura jissolvew qabel jeskalaw u fl-istess ħin is-servizz ikun aktar ta’ kwalità minħabba t-taħriġ li jkun ingħata,” qal il-Ministru Abela.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista, faħħar il-ħidma konġunta bejn il-MEUSAC u l-MCCAA li qal dejjem ifittxu biex joffru l-aqwa servizz possibbli lill-konsumaturi.