Konsumatur
L-Awtorità tal-Mediċini mhix tieħu ċenteżmu mingħand il-Gvern

L-Awtorità tal-Mediċini mhix tieħu ċenteżmu mingħand il-Gvern, biċ-Chairman Anthony Serracino Inglott jgħid li l-awtorità llum qed tfendi għal rasha.

Waqt żjara li l-President għamel fl-uffiċini tal-awtorità f’San Ġwann, il-Professur Serracino Inglott tkellem dwar il-kisbiet tal-awtorità. Semma fost l-oħrajn li impjegati tal-awtorità qed imorru jagħmlu spezzjonijiet fl-Indja, iċ-Ċina u Dubai biex jassiguraw li fabbriki f’dawn il-pajjiżi qed jimmanifatturaw prodotti mediċinali kif suppost, u b’hekk il-prodotti tagħhom ikunu jistgħu jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea.

B’95 impjegat, iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċini, Anthony Serracino Inglott, qal li r-reputazzjoni tajba li bniet l-awtorità ġejja mill-professjonisti tagħha, li ħafna minnhom tħarrġu fid-Dipartiment tal-Farmaċija, fil-Fakultà tal-Mediċina fl-Università ta’ Malta.

Għall-Professur Serracino Inglott, ċertifikat tajjeb ħafna għar-reputazzjoni tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini hu l-fatt li impjegati tagħha jagħmlu spezzjonijiet f’pajjiżi terzi: bħall-Indja, iċ-Ċina u Dubai.

“Naraw il-laboratorji, naraw il-post production, naraw il-personnel li hu kwalifikat. Naraw l-integrità, li d-dokumenti miżmumin b’mod integru, b’mod validu, li m’hemm ebda sinjal ta’ xi ħaġa li hi anormali jew mhux kif suppost. Naraw li qed isegwu dak li ngħidulhom standard operating procedures, li jridu jkunu skont id-direttivi Ewropej.”

Qal li l-ispezzjonijiet tal-Awtorità Maltija huma rikonoxxuti wkoll mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, u għalhekk jagħtu aċċess lil dawn il-prodotti, mhux biss għas-suq Ewropew, iżda wkoll għal dak Amerikan.

Fi żvilupp ieħor, l-Awtorità Maltija għadha kemm ikkonkludiet ftehim biex impjegati tagħha jagħmlu xogħol għall-Awtorità tal-Mediċini tal-Olanda, billi m’għandhiex biżżejjed nies kwalifikati għal ċertu xogħol. Fi kliem il-Professur Serracino Inglott, dawn huma sorsi tajba ta’ dħul, li għenu biex biddlu l-qagħda finanzjarja tal-awtorità.

“Sitt snin ilu, wieħed ħa l-Awtorità f’idejh, kien hawn dejn ta’ xi miljun u nofs. Dejn sostanzjali. Illum is-sovvenzjoni li jagħtina l-Gvern mhix tintuża, qiegħda tingħata lura lill-Gvern biex jużha għal affarijiet oħra, bħal xiri ta’ mediċini, per eżempju. Barraminhekk, aħna żidna l-personnel hawnhekk minn 25 għal 95 mingħajr ma nużaw lanqas cent wieħed mit-taxxi tal-poplu.”

Fi żjara lill-Awtorità tal-Mediċini, il-President George Vella qal li għandu jkun hemm għarfien akbar tax-xogħol u s-suċċess tal-Awtorità, speċjalment fost iż-żgħażagħ biex jitħajru jidħlu għal korsijiet li jwassluhom għall-karriera fil-qasam tal-farmaċewtika.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li persuna li ġiet irrappurtata bħala vittma tal-coronavirus, il-virus ma kienx il-kawża prinċipali tal-mewt tagħha. Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari li…

COVID-19

Anazjan ta’ 97 sena huwa s-seba’ vittma tal-Coronavirus f’Malta. Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa, intqal li l-anzjan kien qed jingħata kura fl-Isptar Karin Grech u kellu sintomi relatati mal-Covid-19 fis-16 ta’…

Ambjent

Fi stħarriġ li sar fuq is-sit www.spazjimiftuha.org ħareġ li aktar minn 95% ddikjaraw li ma jaqblux jew ma jaqblux b’mod qawwi mar-restrizzjoni għall-aċċess fuq l-artijiet ikkontestati tal-Miżieb u l-Aħrax. Fi stqarrija,…

Immigrazzjoni

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo qal li Malta qed tissospendi s-sehem tagħha fil-missjoni IRINI, li ma tħallix aktar armi u tagħmir militari jidħol fil-Libja. Il-Ministru qal li Malta mhux se…

Aktar