AĠĠORNAT: L-Awtorità tax-Xandir ma tilqax l-ilment tal-PN kontra l-PBS

L-Awtorità tax-Xandir ma laqgħetx ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra l-PBS li talab rimedju għal messaġġ tal-Prim Ministru fl-okkazzjoni tas-sena l-ġdida.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità qalet li tħoss li l-format u l-istil tal-produzzjoni li dwarha ilmenta l-Partit Nazzjonalista ma jaqax fil-kompitu tagħha u għalhekk mhux il-każ li tippronunzja ruħha dwaru.

L-Awtorità qalet li tifhem li x-xandir pubbliku kellu l-obbligu li jxandar il-messaġġ tal-Prim Ministru u irrikonoxxiet li fih huwa normali li tingħata ħarsa lejn l-ħidma tal-Gvern. Qalet li din hija ix-xejra fil-messaġġi lin-nazzjon minn mexxejja ta’ pajjiżi Ewropej.

Fid-deċiżjoni tagħha żiedet tgħid li l-fehmiet differenti li jista’ jkun hemm ilhom magħrufa u twasslu lill-pubbliku b’mod ampju. Semmiet ukoll li lment simili li sar mill-Partit Nazzjonalista f’Ġunju tal-2013 ukoll ma kienx intlaqa’ mill-Awtorità waqt li nnutat li l-linji gwida dwar il-messaġġi tal-Prim Ministru li kellhom jitfasslu wara l-ilment ta’ sentejn ilu, baqgħu ma tfasslux u issa ser tara li dawn isiru f’qasir żmien.

B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-awtorità, il-Partit Nazzjonalista esprima d-diżappunt tiegħu għad-deċiżjoni u qal li l-Awtorità naqset mid-doveri tagħha li tiggarantixxi imparzjalità xierqa skont il-Kostituzzjoni.

U l-Partit Laburista qal li llejla l-Partit Nazzjonalista għazel li jattakka awtorità kostituzzjonali u indipendenti sempliċiment għax ma laqgħetx ilment tiegħu.