COVID-19
L-Awtorità tax-Xandir tappella għall-kawtela fir-rappurtaġġi

L-Awtorità tax-Xandir appellat lill-ġurnalisti u lix-xandara biex ikunu kawti fil-mod kif jirrappurtaw żviluppi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.

Fi stqarrija, l-Awtorità tax-Xandir saħqet fuq il-ħtieġa li l-ġurnalisti u x-xandara jimxu biss mal-fatti f’perjodu sensittiv bħal dan. Żied tgħid li b’dan il-mod il-pubbliku jkunu mgħarrfa b’mod ġust bis-sitwazzjoni li dejjem qed tevolvi.

L-Awtorità tax-Xandir appellat ukoll lill-pubbliku biex iserraħ fuq sorsi u stqarrijiet uffiċjali sabiex ma jinħoloqx allarm żejjed u bla bżonn u għandu joqgħod attent għal każijiet ta’ fake news, partikolarment fuq is-siti soċjali.