Droga
L-awtoritajiet b’għajn ta’ seqer fuq droga sintetika li anke b’farka kapaċi toqtol

Droga sintetika ġdida li kapaċi toqtol anke b’farka tinsab fir-radar tal-awtoritajiet li saħansitra għandhom linji gwida bi prekawzjonijiet dwar kif għandhom jittrattaw pakketti suspettużi li jista’ jkollhom id-droga Fentanyl.

Uffiċjali tal-Pulizija u tad-Dwana fost oħrajn ingħataw linji gwida dwar miżuri ta’ prekawzjoni li għandhom jieħdu meta jispezzjonaw pakketti suspettati bid-droga minħabba droga ġdida fis-suq magħrufa bħala Fentanyl, li hija droga sintetika, li hija ħafna aktar qawwija u perikoluża mill-eroina.

Godwin Sammut, Uffiċjal Xjentifiku fil-Fakultà tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta qal li sal-lum ma jirriżultax li din id-droga daħlet Malta.

“Il-Fentanyl hija 100 darba aktar qawwija mill-morfina, jew inkella 50 darba aktar qawwija mill-eroina. Imbagħad hemm il-Carfentanil li hija problema kbira għax hija 10,000 darba iktar qawwija mill-morfina, jew 5,000 darba aktar qawwija mill-eroina. Il-Carfentanl, b’0.02mg hija biżżejjed biex toqtol persuna” spjega Sammut.

Is-Sur Sammut spjega li mhux biss min jeħodha din id-droga jista’ jmut, iżda anke min imiss magħha, fosthom infermiera li jmorru fuq każi ta’ overdose jew pulizija u uffiċjali tad-Dwana li jkunu qed jagħmlu raids jew jispezzjonaw pakketti suspettużi, li fihom jkun hemm il-Fentanyl jew il-Carfentanil. Qal li għalhekk qed jittieħdu ċerti prekawzjonijiet minn dawn il-persuni waqt il-qadi tad-doveri tagħhom.

Is-Sur Sammut qal li persuna tmut b’doża qawwija ta’ eroina ta’ bejn 10 u 12-il milligramma, iżda l-Fentanyl wieħed jista’ jkollu overdose anke b’farka.

Dan l-iżvilupp inkwetanti fis-suq illegali tad-droga seħħ fl-istess waqt li l-Parlament approva mill-istadju liġi li permezz tagħha sustanzi psikoattivi ġodda li wieħed isib fid-drogi sintetitci jkunu meqjusin bħala droga. Is-Sur Sammut qal li l-Fentanyl u Carfentanil jaqgħu wkoll taħt din il-liġi.

Godwin Sammut qal “il-lista tas-sintetiċi dejjem qed tikber u tinbidel. Għax kif tiġi kkontrollatata, li jagħmlu jbiddlu l-istruttura biex ma taqax taħt dik il-liġi. Il-Gvern kien qed jipprova jagħmel liġi li tolqot ħafna mis-sintetics, kemm dawk li daħlu u kemm dawk li jridu jidħlu”.

Is-sur Sammut stqarr li l-Pulizija u d-Dwana qed jagħmlu xogħol tajjeb ħafna għax jinsabu b’għajn ta’ seqer fuq pakketti suspettużi bid-droga sintetika li ħafna drabi jippruvaw jgħaddu mill-posta.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Charlie, il-kelb tad-Dwana, irnexxielu jxomm u jaqbad passiġġier Yemeni li kien qed iġorr €14,064 fi flus mhux dikjarati. Il-passiġġier kien qed jistenna t-titjira tiegħu lejn l-Istanbul meta twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana. Bis-saħħa…

Kronaka

Tifel sofra xi ġrieħi wara li ntlaqat minn vettura f’Ħal Qormi. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30 fi Triq Manwel Dimech. Minn tagħrif li għandu TVM jirriżulta li t-tifel ittajjar minn karozza…

Kronaka

Sid ta’ karozza qed iwissi lil ħaddieħor biex isakkar il-vetturi  tiegħu wara li ġie misruq minn mara li nqabdet b’filmat tiftaħ u tħarbex f’i ħwejjeġ ħaddieħor. Fil-filmat, il-mara tidher qed tiftaħ…

Aktar