Edukazzjoni
L-awtoritajiet edukattivi impenjati biex f’Settembru li ġej l-iskejjel jerġgħu jiftħu

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li l-awtoritajiet edukattivi u l-iskejjel jinsabu impenjati biex f’Settembru li ġej l-iskejjel jerġgħu jiftħu. Fl-aħħar jum tas-sena skolastika li kienet interotta bl-iskejjel li ngħalqu minħabba l-pandemija, il-Ministru Bonnici attenda għat-tnedija tal-prospectus tal-korsijiet għas-sena skolastika li ġejja tal-Higher Secondary.

Fit-tnedija tal-prospectus ta’ Giovanni Curmi Higher Secondary, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li l-awtoritajiet edukattivi jinsabu impenjati biex f’Settembru li ġej l-iskejjel jerġgħu jiftħu ghal sena skolastika ġdida. Il-Ministru Bonnici qal li fl-aħħar jum tas-sena skolastika, kellu diversi laqgħat virtwali mal-istudenti li kollha kellhom kelma waħda, li kuntenti li f’Settembru jerġgħu jidħlu l-iskola.

TVM staqsa lill-Ministru Bonnici dwar is-suġġeriment li sar minn xi akkademiċi biex l-istudenti ma jitilgħux għas-sena li jmiss awtomatikament, imma ssir analiżi tal-mixja edukattiva tagħhom. Dr Bonnici fakkar li hemm grupp ta’ ħidma li qed jara l-impatt kurrikulari li seħħ fl-aħħar xhur.

”Irrid inserraħ ras il-ġenituri li anke meta tlabna lill-edukaturi li jtuna informazzjoni ta’ dak li riedu jgħallmu u dak li effettivament għallmu, dik l-informazzjoni hija utli ħafna għalina biex infasslu l-aġġustamenti għas-sena d-dieħla.”

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Dr Frank Fabri, qal li wara 4 ġimgħat mill-ftuħ taċ-child care centres, ma kienx hemm każ wieħed pożittiv tal-coronavirus. Sostna li dan huwa riżultat tal-prekawzzjoniiet li ttieħdu u ser isir l-istess għall-ftuh tal-iskejjel f’Settembru.

Intant, is-Surmast tal-iskola Giovanni Curmi Higher Secondary, Gaetano Calleja qal li l-prospectus għas-sena skolastika li jmiss fih inizjattivi ġodda fil-qasam tat-tagħlim.

”Jinkludi fih mhux biss is-suġġetti kollha li wieħed jista’ jistudja f’livell ta’ A Level u f’livell ta’ Intermediate, imma wkoll jinkludi inizjattivi ġodda u programmi ġodda. Inizjattivi għal dawk li għandhom x’jaqsmu t-tagħlim tat-tielet lingwa, kif ukoll programmi li huma akkreditati fuq l-MQF level 3 ta’ edukazzjoni non formali.”

L-iskola post sekondarja Giovanni Curmi Higher Secondary kull sena jkollha 1,700 student.