COVID-19
L-awtoritajiet tas-saħħa jibqgħu jirrakkomandaw biex in-nies jevitaw il-folol

Il-Virologu Chris Barbara qal, li għalkemm tnaqqsu r-restrizzjonijiet, importanti li jkomplu jsiru l-iswab tests. Minn Marzu ‘l hawn diġà saru kważi 83,000 swab test. Fil-programm INSIGHTS, Dr Barbara qal li bl-investiment li sar, il-pajjiż kapaċi jagħmel sa 2,000 swab test kuljum u saħaq fuq il-bżonn li dawn jitkomplew.

“Għalkemm in-numri huma żgħar però r-riskji se jkunu ftit iktar, allura l-iswabs irridu nibqgħu għaddejjin bihom,” qal il-virologu Chris Barbara.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, appella lin-nies biex jibqgħu viġilanti u jsegwu l-miżuri tad-distanza soċjali.

Mistoqsi jekk jistgħux isiru t-tiġijiet u l-festi fis-sajf ġaladabra tneħħiet l-emerġenza ta’ saħħa pubblika, il-Ministru Fearne qal li r-rakkomandazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa hi li n-nies jevitaw il-folol.

Madankollu qal li ma jfissirx li n-nies ma jistgħux igawdu. Tal-istess fehma Dr Barbara li żied jgħid li n-nies għandhom jibqgħu jilbsu l-maskri biex l-imxija tkompli titrażżan: “Dawn ir-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa pubblika nibqgħu nsegwuhom rigorożament allura aħna m’għandniex periklu.”

Dr Barbara nħass ottimist li ma jdumx ma jkollna tilqima kontra l-Covid-19 permezz tat-testijiet li għaddejjin fl-Università ta’ Oxford fl-Ingilterra li bdew juru sinjali inkoraġġanti: “Bdew il-clinical trials fuq in-nies u jidher li din hi immunogenic jiġifieri dawk is-suldati qed jiffurmaw.”

Irrimarka li bħalissa għaddej studju kbir dwar jekk il-popolazzjoni Maltija rabbietx reżistenza għall-virus: “Aħna rridu li almenu 60% tal-popolazzjoni jkollhom immunità għal dan il-virus biex meta l-virus imur biex jaqbeż minn persuna għall-oħra, fuq min jaqbeż jgħid li dan protett u għandu dawn is-suldati allura ma jirnexxiex tkompli l-imxija.”

Dr Barbara stqarr iżda li peress li l-pandemija f’Malta kienet imrażżna għax il-poplu kien protett, l-immunità se tkun baxxa.