Knisja Maltija
L-Azzjoni Kattolika se toffri dar biex tagħti kenn lil persuni li ma għandhomx fejn jorqdu

L-Azzjoni Kattolika Maltija għaddejja bi proġett biex dar li għandha f’Ħal Balzan tinbidel f’post li tkun tista’ tagħti kenn lill-familja jew persuni li għal xi raġuni jew oħra jispiċċaw ma jkollhomx fejn jorqdu. Dan il-proġett mistenni jiswa madwar €50,000.

Dar Reġina Pacis f’Ħal Balzan hija dar li kienet ingħatat lill-Azzjoni Kattolika Maltija u tul is-snin serviet għall-formazzjoni ta’ grupp ta’ xebbiet fl-istess lokalità. Din id-dar ilha żmien ma tintuża u llum il-ġurnata tinsab fi bżonn kbir ta’ manutenzjoni. L-Azzjoni Kattolika Maltija studjat il-possibbilità li din id-dar ma tibqax tintuża biss bħala ċentru ta’ formazzjoni, imma tilqa’ wkoll familja jew persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Sarah Caruana, Segretarju Ġenerali Azzjoni Kattolika Maltija qalet “l-Azzjoni Kattolika, fid-dawl ta’ x’inhu jiġri fir-realtajiet madwar Malta iddeċidiet li tesplora l-idea li forsi din id-dar tinbidel f’residenza ta’ xelter temporanju għal min jista’ jkollu bżonn. Qed naraw ħafna realtajiet, niltaqgħu ma’ ħafna realtajiet anke bħala Azzjoni Kattolika, fejn ikun hemm jew familji jew żgħażagħ li għal xi raġuni jew oħra jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ikollhom bżonn xi mkien fejn joqogħdu sakemm isibu saqajhom u jerġgħu jistgħu jintegraw lura fis-soċjetà fil-ħajja normali.”

Din id-dar tikkonsisti f’żewġt ikmamar u kamra tal-banju mdaqsin fis-sular t’isfel u tliet ikmamar fl-ewwel sular. Wara diskussjonijiet ma’ nies li jistgħu jikkontribwixxu f’dan il-proġett, inkluż ħafna voluntiera, l-Azzjoni Kattolika Maltija se tibda tirranġa din id-dar b’mod li s-sular t’isfel jibqa’ jintuża bħala post ta’ formazzjoni u s-sular ta’ fuq bħala xelter temporanju. Il-pjan hu li s-sular ta’ fuq ikollu kċina, kamra tal-banju u kamra tas-sodda li traqqad sa 4 persuni.

Sarah Caruana spjegat li dan il-proġett mistenni jiswa madwar €50,000 minħabba li hemm bżonn li jinbidlu 6 travi, isir il-membrane fuq il-bejt, tinbidel is-sistema tad-dawl u l-ilma, xogħol ta’ kisi, u l-għamara. L-Azzjoni Kattolika qed tilqa’ kull għajnuna biex dan il-proġett ikun jista’ jsir.

Fil-preżent l-Azzjoni Kattolika Maltija għandha 1,500 membru nofshom żgħażagħ. Fi Frar tal-2020 l-Azzjoni Kattolika se tfakkar 90 sena mwaqqfa f’Malta.

Aħbarijiet Oħra
Ikel

Ħafna jiħduh bħala duwa meta jkollhom uġigħ fi griżmejhom jew għal taqlib fl-istonku, oħrajn iżiduh mal-kafè jew mat-te. Qed nirreferu għall-ġulepp tal-ħarrub li jissajjar bħal daż-żmien, hekk kif tibda toqrob…

Ġurnali

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum The Sunday Times Fuq il-faċċata storja b’ritratt li tgħid li bini tal-Gvern fi Xrobb l-Għaġin li qabel kien jintuża mill-ex Prim Ministru Dom Mintoff…

Lokali

Id-dislessja – kundizzjoni li tfixkel lill-persuna biex titgħallem taqra minhabba li ma tagħrafx uħud mill-ittri u simboli, hi meqjusa bħala ostaklu fil-proċess edukattiv, għalkemm illum hemm mezz ta’ għajnuna biex…

Aktar