Saħħa
L-e-cigarettes iħallu impatt negattiv fuq il-moħħ, il-vini u l-pulmun

L-e-cigarettes fl-Istati Uniti kienu l-kawża tal-mewt ta’ aktar minn erbgħin persuna – ħafna minnhom żgħażagħ. Fil-Belġju tilef ħajtu żagħżugħ ta’ tmintax-il sena.

Riċerka li saret dan l-aħħar turi li l-e-cigarettes iħallu impatt negattiv fuq il-moħħ, il-vini u l-pulmun. Għadd ta’ riċerkaturi ħeġġew biex l-e-cigarettes jiġu projbiti, kif ġara fi New York City u anke fl-Indja.

L-e-cigarettes huma fenomenu li qed jinkwieta lill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin ukoll, minħabba li qed jintużaw aktar, speċjalment fost iż-żgħażagħ.

Tnax fil-mija tal-adolexxenti Maltin, l-aktar dawk li għandhom bejn il-ħmistax u s-sittax-il sena jużaw sigaretti elettroniċi: l-e-cigarettes. Dan ħareġ minn studju li sar mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika. Ir-riżultat qed jinkwieta lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

”Nafu li s-sigaretti bil-mod il-mod konna qed inaqqsuhom u anke ma kinux iktar attraenti speċjalment għaż-żgħażagħ però l-fatt li jibda jkollok żgħażagħ li qed jużaw l-e-cigarettes huwa ċans kbir li aħna nerġgħu nirriversjaw l-epidemija tat-tabakk.”

Il-Professur Gauci qalet li kuntrarju għal dak li jaħsbu bosta, l-e-cigarettes mhumiex alternattiva għas-sigaretti u jagħmlu ħsara daqs, jekk mhux aktar, mis-sigaretti.

”Dawn id-devices tal-ġurnata tal-lum inti għandek iktar ammont ta’ nikotina li tista’ tidħol ġol-ġisem iktar malajr, allura l-persuna jkun qed jieħu iktar nikotina milli kieku hu qed jieħu s-sigaretti.”

Studji tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa jikkonfermaw li l-e-cigarettes mhumiex alternattiva biex persuna taqta’ s-sigaretti. Il-professur Gauci qalet li hemm alternattivi oħra biex wieħed jieqaf ipejjep, li huma kontrollati u manifatturati bħal mediċini oħrajn.

Il-Professur Gauci żiedet tgħid li l-e-cigarettes mhumiex biss ta’ ħsara għal min jużahom imma anke għal persuni li jkunu ħdejhom. F’għajnejn il-liġi, e-cigarettes huma meqjusa bħas-sigaretti u l-prodotti tat-tabakk l-oħrajn kollha. Għalhekk ma jistgħux jintużaw fuq ġewwa u lanqas jista’ jsir reklamar tagħhom.

Fl-Istati Uniti, l-uffiċjali tas-saħħa rrappurtaw aktar minn elfejn każ ta’ mard respiratorju u aktar minn erbgħin persuna tilfu ħajjithom minħabba l-użu tal-e-cigarettes u l-kimika ta’ ġo fihom.

”Iridu niftakru li l-Amerika mhemmx il-kontrolli li hemm fl-Ewropa tal-konstitwenti ta’ xi jkun fihom l-e-cigarettes. F’Malta aħna ma rajnha l-ebda każ minn dawn u anqas jekk tħares lejn l-Ewropa – l-uniku każ li ġie rappurtat kien wieħed Belġjan li issa għadu qed jiġi investigat.”

Għalkemm preferibbilment ma jintużawx, il-Professur Gauci appellat biex l-e-cigarettes ma jinxtrawx minn fuq l-internet.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-kunsill nazzjonali tal-ktieb se jsir online l-11 u l-15 ta’ Novembru minflok ma jsejjaħ in-nies f’dar il-Mediterran il-Belt Valletta. Dan minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u l-pariri tal-Awtoritajiet…

Lokali

Melvin Theuma,  l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei. Ġimagħtejn ilu huwa ddaħħal l-isptar wara li kien instab f’għadira f’demm b’feriti f’għonqu u fil-kustilji. Dan wara li…

Edukazzjoni

Bil-pjan tal-Gvern hu li f’Settembru jiftħu l-iskejjel, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnnici qal li għaddejjin taħdidiet biex it-tagħlim tat-tfal isir mis-sena skolastika li jmiss bil-miżuri meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid. Dr Bonnici tkellem…

Saħħa

L-operazzjonijiet se jerġgħu jibdew min-nhar it-Tnejn li ġej iżda d-direttivi tal-Outpatients se jibqgħu fis-seħħ. Dan intqal mill-MAM fi stqarrija uffiċjali wara l-aġġornament tal-aħbarijiet li ta d-Deputat Mexxej, Dr Chris Fearne…

Aktar