Kultura
AĠĠORNAT: Il-Kunsill Lokali ċaħad qlajjiet li se jsir karnival fin-Nadur

Il-Kunsill Lokali tan-Nadur ikkonferma b’mod uffiċjali li mhux se jorganizza attivitajiet tal-Karnival, u lanqas se jagħti permess li xi entità biex torganizza dawn l-attivitajiet.

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali ċaħad dawk li ddeskriva bħala qlajjiet, li se jkun hemm xi tip ta’ karnival fin-Nadur din is-sena.

Il-Kunsill qal li jemmen li dan mhux il-mument li fih isiru attivitajiet li jinvolvu massa ta’ nies.

Peress li l-Karnival fin-Nadur huwa wkoll spontanju, il-Kunsill Lokali saħaq li ħadd ma għandu juża din bħala skuża biex jiltaqa’ jew ilaqqa’ gruppi ta’ nies fin-Nadur.

Saħaq li huwa kommess li jekk ikun bżonn jirrapporta lill-forzi tal-ordni biex ma tinkiser l-ebda liġi jew direttiva tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Intant, id-direttur artistiku tal-Karnival ta’ Malta, Jason Busuttil, ikkonferma ma’ TVM li l-Karnival ta’ Malta se jieħu forma differenti minn tas-soltu minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti. Huwa ċaħad rapporti li l-karnival se jsir fil-forma normali tiegħu.

Ma’ TVM is-Sur Busuttil qal li l-Karnival se jsir f’forma differenti fil-ġranet tiegħu, li se jkunu bejn it-12 u s-16 ta’ Frar. Is-Sur Busuttil qal li l-karnival se jkun anke fuq TVM permezz ta’ tliet produzzjonijiet addattati għat-televiżjoni, fosthom il-Qarċilla, li mit-triq se timxi għal fuq it-televiżjoni.

Huwa qal ukoll li se jittellgħu stallazzjonijiet madwar Malta bħala parti mill-attivitajiet tal-Karnival, mill-kollaborazzjoni ta’ eks studenti universitarji li studjaw l-arti.