Trasport
L-ebda fuel wara s-6pm – il-Ministru Mizzi jsejjaħ laqgħa mal-GRTU għas-Sibt

Is-sidien tal-pompi tal-petrol bdew b’azzjonijiet industrijali minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-Gvern dwar it-talba għal żidiet fil-qligħ tagħhom. L-azzjoni ewlenija hi li l-pompi mhux se joffru s-servizz mill-magni awtomatiċi wara s-sitta ta’ filgħaxija.

Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi qal li wara li l-GRTU m’aċċettatx iż-żieda li offra l-Gvern, reġa’ sejjaħ laqgħa oħra magħha għas-Sibt li ġej.

Fuq direttiva tal-GRTU, kull min irid jagħti fuel irid imur fil-pompi tal-petrol bejn is-sitta ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija għaliex fil-ħinijiet l-oħrajn il-magni awtomatiċi qed jintfew u mhux jagħtu petrol jew diesel.

L-azzjoni ttieħdet waqt laqgħa li l-GRTU sejħet it-Tnejn filgħaxija għas-sidien ta’ madwar 77 pompa li hawn fil-gżejjer Maltin. Riżultat ta’ din l-azzjoni t-Tlieta filgħodu f’xi pompi stajna ninnutaw aktar karozzi mis-soltu jistennew biex jimlew it-tank tal-karozza tagħhom.

L-azzjoni l-oħra li bdiet b’effett immedjat hi li s-sidien tal-pompi tal-petrol mhux qed iħallsu l-liċenzja tal-pompi lill-Aġenzija li tirregola s-servizzi tal-enerġija u l-ilma, REWS. Il-liċenzja hi ta’ ħames mitt ewro fis-sena għal kull pompa u €50 oħra għal kull żennuna li għandhom.

Il-GRTU qalet li dawn iż-żewġ azzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ sakemm jintlaħaq ftehim waqt li m’eskluditx li tħabbar azzjonijiet oħrajn. Il-GRTU qalet li ppreżentat soluzzjonijiet li bihom ma jiġix affetwat il-konsumatur.

F’kummenti lil TVM, il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi tenna li lest ikompli jiddiskuti iżda mhux lest li ż-żidiet li qed jitolbu s-sidien tal-pompi jinġarru mill-konsumaturi jew in-negozji. Fakkar li tmien snin ilu kienet ingħatat żieda speċifikament għall-investiment strutturali li kellu jsir sas-sena d-dieħla iżda l-maġġoranza tal-pompi baqgħu m’għamluhx. Il-Ministru Mizzi qal li minkejja li l-GRTU m’aċċettax iż-żieda li offra l-Gvern, hu sejjaħ laqgħa oħra magħha għal nhar is-Sibt li ġej.

Iż-żieda oriġinali li talbet il-GRTU hija ta’ żewġ ċenteżmi u nofs fuq kull litru fuel. Il-Partit Nazzjoanlista permezz tad-Deputat Kap David Aguis fi stqarrija qal li l-Gvern għandu obbligu li jiddiskuti b’serjetà mas-sidien tal-pompi tal-petrol flok fi kliemu, jibqa’ jwebbes rasu.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Raġel li twaqqaf mill-Pulizija meta kien wieqaf quddiem ħanut fi Triq Ħal Tarxien f’Raħal Ġdid fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, instab li kellu fuqu oġġetti li jintużaw għall-isgassar u s-serq, fosthom virga,…

Kisbiet

Iċ-Chairman tal-Public Broadcasting Services Limited, Cavaliere Dr Tonio Portughese ppreżenta d-DVDs tal-kunċert mill-Banda La Valette “La Sollevazione di Cristo” u l-intervista mal-Mro Joseph Sammut lill-President Jonathan Grima kif ukoll lis-Sindku…

Droga

16-il persuna, fosthom żewġ nisa, fl-etajiet ta’ bejn l-20 u l-55 sena, temmew programm ta’ rijabilitazzjoni mill-użu tad-droga u ħadu sehem f’ċerimonja ta’ gradwazzjoni li ċċelebrat is-suċċess tagħhom. Iċ-ċerimonja bit-tema…

Lokali

Il-Fondazzjoni Foodbank Lifeline tal-Knisja Metodista f’Malta qed tkompli tifrex il-ħidma tagħha bit-tqassim ta’ ikel lil familji fil-bżonn. Il-Fondazzjoni qalet li sal-aħħar tas-sena mistennija tgħin aktar minn 16,000 persuna bi spiża…

Aktar