COVID-19
L-ebda każ ġdid ta’ Covid-19, persuna oħra mfejqa, l-ebda mewt

In-numru ta’ każijiet attivi tal-Covid-19 huwa ta’ 26 wara li bejn ilbieraħ u llum ma ġie rrappurtat l-ebda każ ġdid minn 1,692 ‘swab tests’ li saru.

L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru wkoll li fieqet persuna u li ma kienet irrappurtata l-ebda mewt relatata mal-Covid-19. B’hekk, it-total tal-vittmi baqa’ 420.

B’kollox 30,595 persuna ħadu l-virus mindu feġġ f’pajjiżna f’Marzu tal-2020, u 30,149 persuna fiequ.

Intant, sal-bieraħ ingħataw 636,059 doża tal-vaċċin, li minnhom 353,584 kienu tal-ewwel doża, filwaqt li 294,650 persuna huma mlaqqma għalkollox.