Lokali
“L-ebda persuna li tipprotesta m’għandha tiġi vittimizzata” – il-Kap tal-PN

Meta żar membri tal-għaqda Repubblika, li jinsabu f’sit-in quddiem il-kwartieri ġenerali tal-pulizija fil-Floriana, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li kif għandu jispiċċa żmien l-impunità, hekk ukoll jeħtieġ jispiċċa żmien il-mibgħeda. Saħaq li l-ebda persuna li tipprotesta m’għandha tiġi vittimizzata, għax qal pajjiżna hu ċivili u jemmen fis-saltna tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni.

Dr Grech qal li huwa grazzi għas-soċjetà ċivili li qed jimpenjaw ruħhom biex tieqaf l-impunità u appella lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lil Konrad Mizzi. Sostna li l-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia tkun seħħet għalxejn jekk dimostranti u ġurnalisti jiġu mhedda u ma jitħallewx jesprimu ruħhom liberament.

Il-Kap Nazzjonalista qal li bħala partit se jibqa’ jagħmel pressjoni biex Dr Mizzi jidher quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi biex skontu l-poplu Malti jkun jaf il-verità kollha u jara li ssir ġustizzja.