Unjoni Ewropea
L-ebda qbil s’issa dwar it-“top jobs” fl-UE – aktarx jissejjaħ summit ieħor għall-1 ta’ Lulju

Kellu jkun summit li jiddetermina l-ġejjieni immedjat tal-Unjoni Ewropea… għaliex kellu jiddiskuti mhux biss aġenda strateġika b’numru ta’ prioritajiet, iżda possibilment kellu jwitti t-triq għal qbil dwar in-nomini ta’ dawk li tul il-ħames snin li ġejjin se jimlew il-karigi tal-istituzzjonijiet l-ewlenin – minn President tal-Kummissjoni Ewropea għal President tal-Kunsill Ewropew.

Għall-bidu l-President tal-Kunsill Donald Tusk fisser ruħu ottimist imma kawt u sorsi qrib il-Kunsill bdew iħossu l-aptit li l-mexxejja jiftehmu dwar il-karigi… ‘the top jobs” kif qed isejħulhom. Iżda l-ottimiżmu malajr għeb għal kollox. Bil-Kanċillier Merkel tibqa’ tisħaq li l-Popolari Ewropej bħala l-akbar partit fil-Parlament Ewropew għandhom iżommu d-dritt tal-ispitzenkandidat. Bil-Liberali u s-Soċjalisti jisħqu li Manfred Weber m’għandux ikun President tal-Kummissjoni Ewropea.

U bil-Prim Ministru tal-Olanda Marc Rutte jfisser ruħu lest jappoġġja lill-Kummissarju Daniża Marghrete Vestager biex tieħu post Jean Claude Juncker u b’hekk issir l-ewwel mara President tal-Kummissjoni Ewropea.

Dan kollu wassal biex il-Prim Ministru Irlandiż Leo Varadkar jiddikjara li aktar faċli teleġġi Papa milli lil xi ħadd f’kariga f’istittuzzjoni Ewropea.

Li hu żgur li l-mexxejja Ewropej qed jippruvaw isibu bilanċ fl-għażliet li jagħmlu: bilanċ bejn l-interessi tal-istati membri, tal-gruppi politiċi u anki bejn is-sessi. U issa kollox jindika li aktar taħditiet il-Ġimgħa filgħodu mhux se jkunu biżżejjjed biex jintlaħaq qbil u kollox se jkun pospost għal suimmit ieħor li mistenni jissejjaħ għall-1 ta’ Lulju li ġej.

L-AĠENDA STRATEĠIKA

Minbarra n-negozjati fuq il-karigi ewlenin fl-istituzzjonijiet Ewropej, il-mexxejja Ewropej mistennija jaqblu fuq Aġenda Strateġika għall-ħames snin li ġejjin. Dan id-dokument jelenka l-prioritajiet i li l-Gvernijiet Ewropej iridu lill-Unjoni Ewropea taħdem fuqhom, u jinkludi lista ta’ xewqat.

Fost l-oħrajn jitkellem dwar politika ta’ migrazzjoni u ġlieda lit-traffikar tal-bnedmin, jitkellem dwar tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi, dwar azzjoni kontra t-tniġġiż u t-tibdil fil-klima, dwar Ewropa soċjali u ġusta, dwar il-protezzjoni u l-libertajiet taċ-ċittadini, kif ukoll dwar il-ħarsien tal-interessi Ewropej fuq livell internazzjonali.

IL-BUDGET GĦAS-SEBA’ SNIN LI JMISS (2021-2027)

Dwar il-budget għas-seba’ snin li jmiss, xejn konklussiv, iżda l-mexxejja Ewropej qed jittamaw li fil-Presidenza Fillandiza bejn Lulju u Diċembru jsir ħafna xogħol. Huma għandhom jiltaqgħu biex jiddiskutu f’Ottubru, bit-tama li jilħqu ftehim aħħar sa tmiem din is-sena.

IL-BIDLA FIL-KLIMA

U dwar il-bidla fil-klima, il-Polonja baqgħet iżżomm iebes anki fuq il-proposta li sas-sena 2050 – jiġifieri 31 sena oħra – l-industriji Ewropej jsiru industriji nodfa, ma jniġġżux u għaldaqstant il-kontinent ikun dikjarat ‘climate neutral’.

MIŻINFORMAZZJONI WAQT L-ELEZZJONIJIET

Sadanittant Fil-Kunsill kien ippreżentat rapport mill-Presidenza Rumena dwar it-theddida ta’ tixtrid ta’ miżinformazzjoni waqt il-kampanji elettorali u dwar il-manipulazzjoni tal-verità online.

Ara wkoll:

Min se jimla l-karigi tal-aktar istituzzjonijiet Ewropej importanti?

Aħbarijiet Oħra
Politika

Is-Servizz tas-Sigurtà Malti għandu taqsima apposta dedikata għall-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti għall-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Kumitat Nazzjonali tas-Sigurtà għas-sena li għaddiet fejn jingħad…

Teknoloġija

Il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita nediet ċentru ġdid tad-data kif ukoll pjattaforma tal-Internet of things. Permezz ta’ din it-teknoloġija, numru ta’ oġġetti fid-dar jistgħu jiġu mqabbda mal-internet biex jiġu kkontrollati minn fuq…

Politika

Fil-Belt l-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice organizzaw protesta fejn talbu li l-parlamentari jwarrbu lil Joseph Muscat minn Prim Ministru, jekk dan ma jirriżenjax minn jeddu.  Qalu li l-Prim Ministru missu…

Lokali

Għall-ewwel darba, l-Ungerija għandha preżenza diplomatika permanenti f’Malta permezz ta’ konsolat fil-Belt Valletta. Fl-inawgurazzjoni, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija qal li pajjiżu qed jappoġġja l-kandidatura ta’ Malta biex tiġi…

Aktar