Ambjent
L-ebda sinjali li l-bram qed inaqqas mix-xtut Maltin

Iż-żieda fil-popolazzjoni tal-bram osservata f’Marzu li għadda mhux qed turi sinjali li qed tnaqqas.

Dan qalu l-Professur Alan Deidun fuq il-midja soċjali, b’rabta ma’ ritratt li juri ammont kbir tal-ispeċi Pelagia Noctiluca li deher illum f’Marsalforn.

Il-Professur Deidun appella biex ħadd ma jgħum f’dawn iċ-ċirkostanzi, u biex jekk jitniggeż jidlek taħlita ta’ bikarbonat tas-sodju u ilma baħar, mhux ilma ħelu.

TVM jista’ jikkonferma li matul din il-ġimgħa deher ukoll ammont imdaqqas ta’ bram f’bajjiet oħra f’Għawdex bħad-Dwejra, kif ukoll f’bajjiet f’Malta bħal Tas-Sliema.