Unjoni Ewropea
L-ebda żblokk bejn il-mexxejja Ewropej dwar il-budget u l-pjan ta’ rkupru mill-pandemija

Fi Brussell għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn is-27 kap ta’ Gvern tal-istati membri li ltaqgħu f’Kunsill Ewropew barra minn żmien biex jiddiskutu il-budget u l-għajnuna lil dawk il-pajjiżi li l-aktar marru ħażin fil-pandemija.

Il-mexxejja Ewropej miġbura fi Brussell inkluż il-Prim Ministru Robert Abela baqgħu iġebbdu sa tard bil-lejl bil-laqgħat imbagħad waqfu jiddiskutu u se jkomplu s-Sibt filgħodu fit-tentattiv li jegħlbu l-ostakli kollha u jilħqu xi forma ta’ ftehim dwar il-budget għas-seba’ snin li ġejjin u anki dwar il-fond ta’ rkupru mill-pandemija.

Kienet ġurnata diffiċli dik tal-Ġimgħa għas-27 kap ta’ gvern inkluż il-Prim Ministru Robert Abela.  Daħlu jiddiskutu fl-10.30 a.m. u ma  waqfux sas-6 p.m.  Imbagħad straħu għal ftit ħin u komplew bil-laqgħat.

Il-Prim Ministru Abela u t-tim ta’ negozjaturi Maltin qed jibqgħu jinsistu li l-budget ikun ġust u l-ftehim aħħari jagħraf ir-realtajiet ta’ Malta – mhux biss il-kisbiet ekonomiċi tal-aħħar snin imma l-problemi ta’ dejjem tal-gżira – fosthom li tiddependi minn dak li jiġri lil hinn minn xtutha.  Tiddependi mill-esportazzjoni u mit-turiżmu.

Iżda l-problema prinċipali fid-diskussjonijiet li qed isiru hija xort’oħra, maħluqa mill-pożizzjonijiet intransiġenti ta’ numru ta’ pajjiżi.  Il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte għadu qed jinsisti li l-budget għandu jkun marbut ma’ riformi strutturali fil-pajjiżi tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ewropa.  Il-Prim Ministru tal-Fillandja Sanna Marin qed tgħid li mhux lesta toħroġ aktar flus minħabba li jkun diffiċli għaliha li tbiegħ deċiżjoni bħal dik lill-elettorat tagħha.

Fuq in-naħa l-oħra l-Ungerija li ma tridx irbit bejn budget u ħarsien tas-saltna tad-dritt.  Iż-żewġ affarijiet ma jmorrux flimkien qed jgħid Viktor Orban. Ma jaqblux lanqas mal-pożizzjoni tal-Olanda, il-Franċiżi li qed iħossu riformi imposti fuqhom; u Spanja u l-Italja li jridu ftehim malajr sabiex jibdew igawdu mill-fond ta’ rkupru mill-pandemija.

Hija meqjusa kobba mħabbla din tal-budget li mhux lakemm tinħall fis-sigħat li ġejjin hekk kif kollox jindika li l-mexxejja Ewropej jaf jirritornaw lejn il-pajjiżi rispettivi mingħajr qbil, bil-possibilità li jerġgħu jiltaqgħu aktar tard dan ix-xahar bit-tama li l-affarijiet ikunu ftit aktar ċari.