Edukazzjoni
L-edukaturi fl-iskejjel tal-Knisja se jingħataw laptop bi ftehim mal-Gvern

Il-gradi kollha tal-edukaturi fl-iskejjel tal-knisja ser jingħataw laptop bis-saħħa ta’ ftehim bejn il-Gvern u l-Vatikan, li jestendi fuq il-ftehim tal-1991. Il-ftehim b’valur ta’ aktar minn €2 miljun intlaqa’ b’mod tajjeb mill-Arcisqof Charles Scicluna.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela qal li dan sar fuq talba tal-Kurja, sabiex l-edukaturi tal-iskejjel tal-knisja jkollhom l-għodod meħtieġa bħall-għalliema tal-iskejjel tal-istat.

“Legalment skont il-ftehim, il-parir li għandu l-Gvern hu li mhux parti mill-ftehim li kien intlaħaq fl-1991, però l-Gvern ħass li kellu jiddiskuti din f’livelli oħrajn, u twaqqfet kummissjoni konġunta bejn l-istat Malti u l-Vatikan biex din il-kwistjoni tiġi diskussa u riżolta,” qal il-Ministru Abela.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna rringrazzja lill-Prim Ministru u l-Gvern Malti għar-rieda politika u l-appoġġ li kontinwament juri fl-edukazzjoni tat-tfal li jattendu fl-iskejjel tal-knisja.

“It-teachers u l-LSE tal-iskejjel tal-knisja għandhom l-istess faċilitajiet li qed igawdu t-teachers u l-LSEs fl-iskejjel tal-istat. Dan ifisser li jistgħu joffru servizz ta’ kwalità lill-ulied il-Maltin li qed jagħżlu li jibgħatu t-tfal tagħhom fl-iskejjel tal-knisja,” qal l-Arċisqof.

In-Nunzju Appostoliku, Monsinjur Alessandro D’Ericcoli, fisser kif il-koperazzjoni tal-Gvern Malti hija waħda imprezzabbli.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li fuq din il-kwistjoni l-Gvern ħares lil hinn mill-kliem tal-ftehim tal-1991, għaliex l-iskejjel għandhom iseddqu l-valuri etiċi, umani u ta’ inklużjoni fost il-ġenerazzjonijiet li telgħin, u mhux iservu ta’ magni biex it-tfal jgħaddu mill-eżamijiet.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

L-Oppożizzjoni qalet fi stqarrija li se titlob lill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi biex jinvestiga b’urġenza l-għoti tal-hekk imsejħa “golden handshake” lill-uffiċjali biex jirriżenjaw mill-impjieg. Dan wara, fost oħrajn, il-protest ġudizzjarju li…

Turiżmu

L-ogħla numru ta’ passiġġieri li daħlu Malta f’sena abbord cruise-liner mistenni jintlaħaq din is-sena. Bi kważi disa’ mitt elf passiġġier, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, qal li l-2019…

Immigrazzjoni

Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja ġew diskussi fl-ogħla livell f’taħditiet f’Ruma bejn il-President George Vella u l-President Sergio Mattarella propju fl-istess ħin li fuq il-baħar kienet għaddejja kwistjoni oħra…

Kronaka

Raġel weġġa’ gravi f’inċident f’Marsaxlokk. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.00pm fi Triq Delimara. Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 36 sena li jgħix il-Kalkara kien qed…

Aktar