Edukazzjoni
L-edukaturi jirritornaw għal sena skolastika ġdida

Illum bdiet sena skolastika ġdida, b’eluf ta’ għalliema rritornaw għax-xogħol, fosthom 200 ġodda, li se jibdew il-karriera tagħhom f’realtà ġdida. Dan hekk kif l-iskejjel ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat iħejju u jattrezzaw ruħhom biex ikunu konformi mal-miżuri tal-Covid-19, biex jillimitaw l-imxija tal-pandemija.

Filwaqt li l-Gvern qal li l-iskejjel kollha tal-Gvern ġew iċċertifikati mill-uffiċċjali tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà l-OHSA li implimentaw il-miżuri meħtieġa, il-unions tal-għalliema nnutaw it-tħaddim tal-protokolli tas-saħħa u elenkaw xi nuqqasijiet li għad iridu jiġu indirizzati sakemm jirritornaw l-istudenti fl-iskejjel.

Mal-10,000 edukatur irritornaw fl-iskejjel tal-Gvern wara 6 xhur mindu għalqu l-bibien tagħhom minħabba l-Covid. Kif kien ippjanat, illum infetħu l-107 skejjel tal-Gvern madwar Malta u Għawdex, biex fis-7 t’Ottubru jibdew jilqgħu l-ewwel studenti.

Meta kien qed iżur l-Iskola Primarja tal-Belt Valletta, il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li bl-għajnuna u diskussjonijiet mal-imsieħba kollha fis-settur, illum l-edukaturi daħlu fuq il-post tax-xogħol tagħhom fl-iskejjel. Qal li ġew implimentati mal-50 miżura fl-iskejjel biex jitnaqqas drastikament ir-riskju ta’ infezzjoni mill-pandemija.

F’kummenti ma’ Television Malta, il-President tal-Union tal-Għalliema l-MUT, Marco Bonnici qal li malli daħlu fl-iskejjel, l-għalliema raw it-tħaddim tal-protokolli ta’ saħħa u spjega li għad fadal xi jsir mhux biss fl-iskejjel tal-Gvern iżda wkoll tal-Knisja u l-iskejjel indipendenti. Qal li l-għalliema ser ikunu qegħdin jikkoperaw biex sal-ġimgħa d-dieħla l-iskejjel kollha jkunu lesti biex jilqgħu l-istudenti.

Skont il-Kap Eżekuttiv tal-Union tal-Edukaturi Professjonali l-UPE, Graham Sansone, l-għalliema li rritornaw fl-iskejjel tal-Gvern jinsabu f’paniku wara rapporti li rċeviet ta’ nuqqas ta’ iġenje, staff rooms mingħajr distanza soċjali, u time tables ġodda li ma jirrispettawx l-iskedi tat-tagħlim li għamlu l-għalliema.

Intant fil-programm TVAM, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri, qal li l-iskejjel tal-Gvern kollha huma konformi mal-protokolli maħruġu mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

”Illum nista’ nħabbar li l-iskejjel kollha tal-Istat, primarja, medji u sekonarji huma kollha compliant mal-gwida li ħarġu l-awtoritajiet tas-saħħa.”

L-istudenti se jibdew jirritornaw l-iskola fi ġranet differenti bejn is-7 u l-14 t’Ottubru.