Politika Lokali
L-Egrant mhix tal-Prim Ministru jew tas-Sinjura Michelle Muscat – l-inkjesta

Inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant ikkonkludiet li l-ishma f’din il-kumpanija ma kinux tal-Prim Ministru Joseph Muscat, ta’ martu Michelle, jew ta’ xi membru tal-familja tagħhom. Il-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta ġew ippubblikati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-inkjesta kienet intalbet mill-Prim Ministru stess wara l-allegazzjonijiet li saru s-sena l-oħra minn Daphne Caruana Galizia, u li kienu imtennija mill-Partit Nazzjonalista, li fihom implikaw li l-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat huma s-sidien tal-kumpanija Egrant li hija registrata fil-Panama.

L-inkjesta stabbiliet ukoll li l-Prim Ministru u martu ma kinux involuti f’korruzzjoni jew f’ħasil ta’ flus u xejnet l-allegazzjoni li kien hemm miljun dollaru li ġew trasferiti mill-kont bankarju tal-familja Aliyev fl-Ażerbajġan għall-kont ta’ Egrant.

L-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja sabet li ġew falsifikati dokumenti u firem, dikjarazzjonijiet ta’ xhieda ewlenin li ma qablux, u li l-allegazzjoni li c-Chairman tal-Bank Pilatus ħa evidenza f’bagalji ma ġietx sostnuta b’filmati miġbuda minn kameras tas-sigurtà.

Ħmistax-il xahar xogħol mill-Maġistrat Aaron Bugeja wasslu għall-konklużjoni li l-ishma fil-kumpanija Egrant ma kinux tal-Prim Ministru Joseph Muscat, jew ta’ martu Michelle, jew ta’ xi membru tal-familja tagħhom. Din hi waħda mill-konklużjonijiet ewlenin tal-inkjesta li ntalbet f’April tas-sena l-oħra mill-Prim Ministru wara allegazzjonijiet minn Daphne Caruana Galizia li kitbet li dokument f’safe fil-bank Pilatus juri li l-Egrant hi tas-Sinjura Muscat.

L-inkjesta kkonkludiet li l-Egrant ma kellhiex kont bankarju mal-bank Pilatus. Dwar id-‘declarations of trust’, li kellhom ikunu l-prova prinċipali dwar min hu s-sid tal-Egrant, l-inkjesta tgħid li l-uniċi dokomenti tax-xorta kienu kopja ppreżentata lill-inkjesta minn Pierre Portelli. Il-Maġistrat Bugeja qal li dawn ġew analizzati darbtejn minn esperti ta’ kumpanija Ingliża li tagħmel analiżi forensika li stabbilew li l-firem fuqhom huma foloz u saru minn xi ħadd li s’issa għadu mhux magħruf. Mill-inkjesta ħareġ ukoll li fil-Bank Pilatus kien hemm ‘filing cabinet’, li fost xi impjegati tal-bank kien magħruf bħal safe, li kien jissakkar u li għal xi żmien probabbilment kien fil-kċina. Jingħad li la fis-safe u lanqas fi bnadi oħra ma nstabu ‘declarations of trust’ li kienu juru li l-ishma f’Egrant kienu miżmuma għas-Sinjura Muscat.

L-inkjesta stħarrġet fost oħrajn l-allegazzjoni li ċ-chairman tal-bank Pilatus, Ali Sadr, inqabad ħiereġ mill-bank b’żewġ bagalji li fihom allegatament kien hemm dokumenti li ħa bil-moħbi u li ntqal kienu dwar l-allegazzjonijiet fuq l-Egrant. Fl-inkjesta, din l-allegazzjoni ma rriżultax li hi minnha b’filmati miġbura minn diversi kameras tas-sigurtà fil-bank u anki minn bnadi oħra. Il-filmati juru lil Ali Sadr dieħel fil-bank bil-bagalji, minnhom ħareġ tablet, mobile, xi karti u stationery u qabel telaq reġa’ poġġa fihom l-istess oġġetti. Intqal li l-uniku karta żejda kienet waħda li ngħata minn uffiċċjal tal-bank u li ftit jidher li ta kasha. L-inkjesta stabbiliet ukoll li Ali Sadr ma kienx fuq it-titjira f’dak il-lejl għall-Ażerbaijan operata mill-kumpanija Vista Jet. Il-bdot xehed li abbord ma kienx hemm passiġġieri jew merkanzija, ħlief l-ekwipaġġ u l-affarijiet personali tagħhom.

L-inkjesta maġisterjali ntalbet tara wkoll jekk il-Prim Ministru jew membri tal-familja tiegħu jew John Dalli, Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhomx kontijiet bankarji fil-bank Pilatus u jekk xi ħadd minnhom kienx involut f’xi transazzjonijiet suspettużi jew f’atti ta’ korruzzjoni jew ħasil ta’ flus ma’ persuni mill-Azerbaijan bil-Bank Pilatus. Dwar dan, il-Maġistrat Bugeja kkonkluda li ma nstabx li xi ħadd minn dawn il-persuni setgħu kienu involuti f’korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew transazzjonijiet finanzjarji suspettati minn kontijiet ta’ Ażeri esposti politikament permezz ta’ kontijiet fil-Bank Pilatus. Din il-konklużjoni twieġeb għall-allegazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia li aktar minn miljun dollaru ġew trasferiti f’salt minn kumpanija fl-Azerbaijan għall-kumpanija Egrant.

Mill-inkjesta joħroġ li fost il-klijenti tal-bank Pilatus kien hemm Keith Schembri u John Dalli. L-inkjesta stabbiliet li x-xogħol relatat mat-twaqqif tal-kumpanija Egrant sar minn Karl Cini u li Nexia BT waqfet diversi kumpaniji fil-Panama u fil-British Virgin Islands. Stabbiliet ukoll li Brian Tonna talab li l-Egrant tiġi xolta u dan seħħ qabel il-publikazzjoni tal-allegazzjonijiet minn Daphne Caruana Galizia.

B’477 xhud, il-Maġistrat Bugeja sema fost l-oħrajn ix-xhieda ta’ Daphne Caruana Galizia, ta’ Maria Efimova u ta’ Pierre Portelli. Jingħad li hu sab verżjonijiet kuntrastanti kemm bejniethom kif ukoll mal-bqija tal-provi. Fost oħrajn, kemm Daphne Caruana Galizia u Maria Efimova qalu lil Pierre Portelli li huma urew lill-Maġistrat ‘declarations of trust’. Mill-inkjesta rriżulta li dan ma kienx minnu.

L-Avukat Ġenerali qal li qed jippubblika biss il-konklużjonijiet tal-inkjesta u l-kummenti tal-għeluq biex jiġi limitat l-indħil fir-riżervatezza ta’ terzi li jissemmew inċidentalment f’partijiet oħra tar-rapport u biex jiġu mħarsa investigazzjonijiet oħra relatati. L-Avukat Ġenerali ddikkjara wkoll li laqa’ talba li saritlu mill-Prim Ministru, biex bħala l-persuna li talab li ssir l-inkjesta, ikollu kopja tar-rapport.

Ara hawnhekk ir-rapport tal-inkjesta:

pr181627a

Ara wkoll:

Il-PM emozzjonat – l-inkjesta kkonfermat li d-dokumenti tal-Egrant kienu ffalsifikati

Il-Kap tal-PN jitlob lil Simon Busuttil jissospendi ruħu mill-grupp Parlamentari

Aħbarijiet Oħra
Għawdex

F’Għawdex tnieda servizz ta’ emerġenza ġdid għall-pubbliku li se jopera wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, fi tmiem il-ġimgħa kif ukoll fil-btajjel pubbliċi. Dan is-servizz, li beda fuq inizjattiva tal-fergħa Għawdxija tal-Fondazzjoni għal…

Annimali

F’dan iż-żmien tas-sena ħafna jsibu ħin biex jagħmlu atti ta’ imħabba jew solidarjetà mal-oħrajn. Artista Franċiża li tgħix Malta ddeċidiet li ttella’ wirja b’pitturi biex bil-flus li tiġbor mill-bejgħ tagħhom,…

Mużika

Il-kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida se jżomm mat-tradizzjoni u jsir fl-Epifanija fis-6 ta’ Jannar f’Dar il-Mediterran għall-konferenzi l-Belt. Il-kunċert b’kollaborazzjoni ma’ Festival Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se jsir b’risq…

Kronaka

L-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jinvestigaw il-mewt ta’ priġunier Malti ta’ 26 sena li nstab mejjet. Television Malta jinsab infurmat li l-priġunier neħħa ħajtu. Fi stqarrija maħruġa mill-Faċilità Korrettiva…

Aktar