Politika
L-ekonomija mhux tikber b’żieda fil-popolazzjoni, iżda bil-fiduċja tan-nies – il-PM

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat qal li ż-żidiet fiċ-children’s allowance u fl-in-work benefit imħabbra fil-budget se jgħinu biex sas-sena d-dieħla l-ebda tifel u tifla f’familja fejn hemm mill-inqas persuna waħda taħdem ma jgħixu fil-faqar.

F’attività politika fil-Gżira, Dr Muscat irribatta l-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-ekonomija qed tikber biż-żieda fil-popolazzjoni, u qal li din qed tikber bil-fiduċja tan-nies fil-Gvern. Dr Muscat qal li sakemm jibqa’ l-Partit Laburista fil-Gvern se jibqa’ jqassam il-ġid lil kulħadd.

Il-Prim Ministru qal li mill-budget għas-sena d-dieħla se jgawdi kulħadd u ma ttieħed xejn mingħand ħadd. Dr Muscat qal li l-uniku kritika li sema’ għal budget hija minn dawk li riedu li l-Gvern jagħti iżjed, filwaqt li taħt gvernijiet oħra l-kritika kienet tkun għat-taxxi li jkunu saru. Qal li dan hu biss it-tieni budget f’din il-leġiżlatura, u l-Gvern fadallu izjed xi jqassam lin-nies.

Dr Muscat fakkar kif taħt gvernijiet Nazzjonalisti, id-defiċit kien jisplodi kull sena wara’ kull elezzjoni peress li kienet tiżdied in-nefqa, u wara l-Gvern kien jerġa’ jeħodiellhom f’taxxi biex inaqqas d-defiċit. B’kuntrast dak li n-nies ngħataw minn dan il-Gvern se jibqa’ tagħhom u se jkompli jibni fuqu. Hekk fost oħrajn biċ-childcare b’xejn u r-roħs fil-kontijiet tad-dawl. Dr Muscat qal li dan il-Gvern irnexxielu jħassar id-dejn kollu li għamlu t-tliet gvernijiet ta’ qablu u dan mingħajr ma żied ċenteżmu f’taxxi.

Il-Prim Ministru qal li ż-żidiet fiċ-children’s allowance u l-in-work benefit se jwasslu biex sas-sena d-dieħla l-ebda tifel u tifla li jgħixu f’familja fejn hemm mill-inqas persuna waħda taħdem, ma jgħixux fil-faqar. Dwar il-kritika tal-Oppożizzjoni li l-ekonomija qed tikber minħabba li qed jinġiebu l-barranin, Dr Muscat qal li l-ekonomija tikber bil-fiduċja li n-nies qed jagħtu lill-Gvern għax jafu li r-rota se tibqa’ ddur.

Il-Prim Ministru rrefera għall-ftehim bejn min iħaddem u l-għaqdiet tal-ħaddiema fuq il-paga minima, li qal mhux biss qablu dwar iż-żieda fil-pagi, iżda wkoll li ħaddiem ma jistax idum iktar minn sena mal-istess kumpanija bil-paga minima. Qal li dawn il-ħaddiema, apparti din iż-żieda, se jieħdu wkoll iż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Dwar il-pensjonijiet, Dr Muscat qal li għar-raba’ sena reġgħu żdiedu l-pensjonijiet. Qal li l-Gvern ħaseb ukoll fil-mijiet ta’ pensjonanti tas-servizz, li se jieħdu żieda oħra ta’ €11 fil-ġimgħa.

Il-Prim Ministru qal li il-Gvern irrikonoxxihom l-iżbalji iżda għax għandu jdejh fuq il-polz tal-poplu. Dr Muscat qal li konvint li n-nies qed jgħixu aħjar minn sitt snin ilu u qal li dan huwa l-akbar ċertifikat li n-nies qed jgħixu s-suċċess.