Ekonomija u Finanzi
L-ekonomija ta’ Malta l-inqas affettwata mill-pandemija skont it-tbassir tal-KE

Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li din is-sena Malta se tkun l-inqas pajjiż fiż-żona ewro li se tkun affettwata mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija.

Il-Kummissjoni ħarġet it-tbassir għas-sajf għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, li fih qalet li l-ekonomija fiż-żona ewro mistennija tiċkien b’8.7% f’dik li sejħet riċessjoni aktar profonda milli kien imbassar, li madankollu tvarja minn pajjiż għall-ieħor.

L-ekonomisti tal-Kummissjoni iżda wrew ruħhom fiduċjużi li x’aktarx il-kbir għadda u l-blokk Ewropew se jibda jirkupra mis-sena d-dieħla.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li s-sena d-dieħla Malta se jkollha tkabbir ekonomiku ta’ 6.3% li huwa iktar mill-medja taż-żona ewro.

Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-mutur ekonomiku għal dan it-tkabbir se jkun l-investiment xprunat mill-pakketti ta’ għajnuna finanzjarja li ħabbar il-Gvern biex l-ekonomija tirkupra mid-daqqiet li ħadet bl-imxija.

Fir-rapport dwar Malta, il-Kummissjoni rrimarkat li l-illaxkar gradwali tar-restrizzjonijiet mistenni jqajjem id-domanda domestika u t-tkabbir fil-prodott domestiku.

Skont it-tbassir ekonomiku, Malta se jkollha l-inqas daqqa ekonomika minn fost il-pajjiżi fiż-żona ewro. L-ekonomisti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li din is-sena, l-ekonomija ta’ Malta se tonqos b’6%, minħabba li l-pajjiż kien f’lockdown parzjali li fost oħrajn affettwa bil-bosta s-settur tat-turiżmu.

Intqal b’riżultat ta’ dan se jonqsu l-investimenti, l-esportazzjoni u l-konsum privat. L-ekonomisti tal-Kummissjoni iżda rrimarkaw li l-pakketti ta’ għajnuna finanzjarja li ħabbar il-Gvern se jgħinu biex itaffu l-impatt ekonomiku, fosthom fl-oqsma tal-kostruzzjoni u l-manifattura.

Waqt li ppreżenta t-tbassir tal-Kummissjoni għall-pajjiżi kollha Ewropej, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Paolo Gentiloni, qal li din is-sena l-ekonomija taż-żona ewro se tiċkien bi 8.7%.

“Our summer forecast shows first of all that the road to recovery is still paved with uncertainty,” qal Paolo Gentiloni.

Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni qed tbassar li l-iktar pajjiżi li se jmorru minn taħt din is-sena huma l-Italja, Franza u Spanja, li diġà kellhom ekonomija dgħajfa li kompliet toqtor bil-pandemija.