L-eks-Assistent Kummissarju kien issuġġerixxa l-għoti tal-proklama lil Farrugia

Il-Kap tas-Servizz tas-Sigurtà Michael Cassar qal li kien huwa li semma’ l-għoti tal-proklama lil Ġorġ Farrugia wara li kien sar jaf  mill-mezzi tax-xandir li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi kien lest jagħti l-proklama lil min kien lest jagħti informazzjoni dwar l-iskandlu tax-xiri taż-żejt mill-Enemalta.

L-eks-Assistent Kummissarju Cassar qal dan quddiem il-Kumitat parlamentari għall-kontijiet pubbliċi meta kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet magħmula mill-Minsitru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. Huwa qal li sa ftit tal-ħin qabel ħelsuh mill-arrest Ġorġ Farrugia ma kien ta l-ebda informazzjoni u ma kien aċċetta l-ebda tort.

Huwa qal illi mill-espressjonijiet ta’ wiċċ Farrugia kien jidher ċar li kien jaf affarijiet u l-Pulizija riedet tkun taf jekk kienx hemm korruzzjoni wara l-2005.  Lil Ġorġ Farrugia l-Pulizija għamluha ċara li ma riedux tagħrif dwar Tancred Tabone u Frank Sammut għax il-każ kien diġa’ magħluq.

L-eks kummissarju Cassar qal illi Ġorġ Farrugia baqa’ jsostni li ma kien ġara xejn wara l-2005 għax qal li l-folja kienet inbidlet u ma kien ġara xejn.

Cassar tkellem ukoll dwar l-intervista li kienet saret lill eks -Minsitru Austin Gatt.  Huwa qal li Dr Gatt kien ċaħad l-allegazzjoni ta Ġorġ Farrugia li kien tah Lm2,000.  Cassar qal ukoll illi ma jiftakarx jekk il-Pulziija staqsietx lill-eks Ministru Gatt dwar ir-riferenzi Aust u AG f’emails ta’ Farrugia.  Dr Gatt kien qal lill-Pulizija li qatt ma kien kellem lil Farrugia fuq xiri ta’ żejt jew fuq il-kumpanija taż-żejt Trafigura.

L-eks-Assistent Kummissarju Cassar qal li huwa ma tax handover dwar l-investigazzjoni meta spiċċa mill-Korp tal-Pulizija għaliex is-Suprettendent Vassallo kien għadu fil-kariga.