Lokali
L-eks Kummissarju tal-Pulizija jgħid li qatt ma proteġa lil ħadd

Quddiem l-inkjesta pubblika dwar jekk setax ġie evitat il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, xehed l-eks kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar dwar id-deċiżjonijiet li ħa fit-tlett snin li serva bħala kummisarju tal-Pulizija. Is-sur Cutajar qal li huwa qatt ma proteġa lil ħadd u li kellu fiduċja assoltu fil-branki kollha tal-korp tal-Pulizija, filwaqt li spjega kif l-irwol tiegħu kien li jagħti għajnuna loġistika.

L-eks kummissarju Lawrence Cutajar qal li waqt li qatt ma kellu interess li jidħol fil-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija, meta bagħat għalih il-Prim Ministru Joseph Muscat, huwa aċċetta l-kariga biex ikun jista’ jtejjeb ċertu affarijiet fil-korp, fosthom it-Taqsima ta’ kontra l-Frodi u l-ħasil tal-flus biex tkun tista’ tlaħħaq mal-kwantità ta’ xogħol li kellha.

Mistoqsi mill-bord tal-inkjesta dwar kif aġġixxew il-Pulizija wara li rċievew ir-rapporti mill-FIAU dwar Keith Schembri, Konrad Mizzi, Brian Tonna u Adrian Hillman, is-sur Cutajar qal li dawn ir-rapporti kienu jmorru direttament fit-Taqsima ta’ kontra l-Frodi. Spjega kif huwa kien jaqra l-konklużjonijiet tagħhom u kien ta l-parir lill-investigaturi, l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta u s-supretendent Ian Abdilla biex jieħdu parir mill-avukat Ġenerali, bil-miktub, dwar kif kellhom jimxu fuq il-każ.

Is-sur Cutajar qal li l-parir tal-Avukat Ġenerali kien li kellhom iżommu kawtela fl-investigazzjonijiet. Id-deċiżjoni tal-Pulizija kienet li jaġixxu wara li jirċievu t-tlett rapporti filwaqt li xejjen l-allegazzjonijiet li kien jitfa’ r-rapporti tal-FIAU fil-kexxun. Mistoqsi mill-bord dwar jekk kienx ikollu laqgħat mal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-investigazzjonijiet tal-Panama Papers, is-sur Cutajar wieġeb li le, imma li jista’ jkun li jkun tkellem ma’ ta’ taħtu li kienu qegħdin jaħdmu fuq l-investigazzjonijiet.

Dwar il-protezzjoni mar-residenza tas-sinjura Caruana Galizia, is-sur Cutajar qal li huwa ma bidel xejn u li kien ilu ma jkollha fixed point mad-dar mill-2010. Spjega kif is-sinjura Caruana Galizia m’avviċinatx lil Pulizija għall-protezzjoni u li kieku għamlet it-talba, kienu jagħmlu fixed point mar-residenza tagħha, kif għamlu ma’ żewġha jumejn wara d-delitt.

Dwar l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li għamel Yorgen Fenech dwar Keith Schembri, wara li ġie arrestat, is-sur Cutajar qal li f’dak l-istadju l-Pulizija ħadu nota, iżda l-ewwel prijorita’ kien li jissolva d-delitt. Is-sur Cutajar qal li l-pjan kien li jistaqsu lil Yorgen Fenech dwar dawn l-allegazzjonijiet wara li jingħalaq il-każ tad-delitt.