
L-eks Ministru Austin Gatt tilef libell li fetaħ kontra l-MaltaToday dwar rapporti li saru fuq l-iskandlu taż-żejt.
Austin Gatt kien fetaħ libell wara li l-ġurnal kien irrapporta li George Farrugia allegatament kien iltaqa’ mal-Ministru Gatt dwar il-bejgħ taż-żejt lill-Korporazzjoni tal-Enemalta.
Min-naħa tiegħu Gatt ċaħad li ltaqa’ ma’ Farrugia biex jiddiskuti l-bejgħ taż-żejt. F’reazzjoni l-editur maniġerjali tal-Malta Today Saviour Balzan kien bagħat l-emails li l-ġurnal kellu li juru li Farrugia u Gatt kienu ltaqgħu.
Fil-Qorti Balzan spjega li f’ebda ħin ma ġie allegat li Austin Gatt ħa xi flus.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale innota li balzan kellu emails li l-artiklu jgħid li Farrugia kellu laqgħat ma’ partijiet interessati fosthom allegatament mal-eks Ministru Austin Gatt. Madanakollu innota wkoll li l-artiklu f’ebda ħin ma qal jekk kienx hemm xi atti ħżiena jew korruzzjoni.
Il-Maġistrat qal li li l-ġurnaliżmu investigattiv huwa meħtieġ għas-soċjetà demokratika u huwa san għas-soċjetà. Għaldaqstant saħaq li dan għandu jkun protett mill-Qrati.