Barranin
L-eks President Franċiż Sarkozy jingħata tliet snin ħabs

L-eks Presidnet Franċiż Nicholas Sarkozy u żewġ kollegi tiegħu ingħataw sentenza ta’ tliet snin priġunerija, sentejn minnhom sospiżi, wara li nstabu ħatja b’korruzzjoni.

Sarkozy, ta’ 66 sena, instab ħati li prova jxaħħam lill-Maġistrat Gilbert Azibert, billi offrielu impjieg prestiġjuż f’Monaco, jekk l-istess Maġistrat jgħaddilu informazzjoni sensittiva dwar inkjesta kriminali li kienet qed tinvestiga lill-partit tal-istess Sarkozy.

L-eks avukat ta’ Sarkozy, Thierry Herzog, flimkien mal-istess Maġistrat, ingħataw l-istess sentenza.

Sarkozy se jkollu jservi sentenza ta’ sena priġunerija hekk kif is-sentejn l-oħra huma sospiżi. Is-sena priġunerija jista’ jserviha minn daru stess, madanakollu jrid jilbes apparat li jimmarka fejn ikun il-ħin kollu.

L-eks President lemini mistenni jappella minn din is-sentenza.