Barranin
L-eks President tal-Afganistan jitlob apoloġija u jispjega għalfejn ħarab mill-pajjiż

L-eks President tal-Afganistan, Ashraf Ghani, talab apoloġija lill-poplu Afgan talli ħarab lejn l-Emirati Għarab Magħquda meta t-Taliban ħadu kontroll tal-pajjiż.

Fi stqarrija li ppubblika fuq il-midja soċjali, Ghani qal li ma kellux intenzjoni li jabbaduna lil niesu, imma li din kienet l-uniku triq li kellu biex jevita l-vjolenza fit-toroq li rat Kabul fis-snin disgħin.

Żied li ġie mwissi li t-Talibani se jaqbduh u joqtluh jekk jibqa’ fil-pajjiż, u qal li fil-fatt, meta t-Talibani daħlu fil-palazz presidenzjali, mill-ewwel bdew iduru kamra kamra jfittxuh.

Qal li meta telaq minn Kabul kienet l-iktar deċiżjoni iebsa ta’ ħajtu, u jinsab imnikket li ma setax jibdel l-eżitu ta’ dak li ġara.

Huwa ċaħad li ħa miegħu għexieren ta’ miljuni fi flus bħal ma ġie allegat, u qal li lanqas biss tawh ċans jibdel is-sandli qabel ħarrbuh mill-pajjiż.