Barranin
L-eks Prim Ministru ta’ Franza jeħel il-ħabs talli ħoloq impjieg għal martu

L-eks Prim Ministru Franċiż, Francois Fillon, ġie kkundannat 5 snin ħabs, 3 minnhom sospiżi. Hu nstab ħati fil-Qorti li ħoloq impjiegi fantażma għal martu li għalihom tħallset iktar minn €830,000. Martu ġiet ikkundannata 3 snin ħabs sospiżi.

Fillon instab ħati wkoll li kien kompliċi biex ħeba fondi pubbliċi. Huma kienu mmultati wkoll €375,000 kull wieħed.

Il-koppja appellat mis-sentenza. L-avukati tal-koppja qed jinsistu li l-battalja għadha mhux mitlufa u li l-appell se jkun proċess iktar ġust.

B’dan il-verdett, Fillon sar l-iktar persuna f’kariga għolja fil-politika Franċiża li qatt weħel sentenza ta’ ħabs. Dan l-iskandlu wassal biex Fillon kellu jirtira mit-tellieqa Presidenzjali tliet snin ilu għalkemm kien il-favorit nett biex isir President.