Barranin
L-eks Pulizija li nstab ħati li qatel lil George Floyd jappella mis-sentenza
Derek Chauvin, l-eks uffiċjal tal-Pulizija Amerikan li kien instab ħati tal-qtil ta’ George Floyd, qal li se jappella s-sentenza li ngħata.

F’Ġunju li għadda, huwa kien ġie kkundannat għal 22 sena u sitt xhur ħabs. L-Imħallef kien qal li s-sentenza kienet ibbażata fuq l-abbuż mill-pożizzjoni ta’ fiduċja u awtorità li kellu u fuq il-moħqrija li wera f’dan il-każ.

Floyd ta’ 48 sena miet wara li Derek Chauvin żamm irkopptejh fuq għonqu għal disa’ minuti. Il-qtil ta’ Floyd kien wassal għal diversi protesti kontra r-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija, madwar id-dinja kollha.

Chauvin qed jgħid li kien hemm xi kwistonijiet mal-ġurija fil-proċess tas-smigħ u li l-ġuri tiegħu ma kellux jinstema’ fl-istat ta’ Minneapolis. Skont dokumenti tal-Qorti li ġew ippreżentati lbieraħ, it-talba biex il-każ jinstema’ fi stat ieħor kienet ġiet miċħuda.

Huwa qed jitlob ukoll lill-Qorti Suprema biex tirrevedi deċiżjoni preċedent fejn fiha ċaħdet li hu jkollu avukat tal-għajnuna.