Immigrazzjoni
L-ekwipaġġ tħalla abbord iżda l-vapur ma jistax jitlaq minn Malta

It-tanker El Hiblu 1 għadu miżmum taħt għajnejn l-awtoritajiet fix-Xatt tal-Isla, filwaqt li qed jissuktaw l-investigazzjonijiet tal-pulizija u tal-Maġistrat Monica Vella dwar id-drama li dal-vapur u l-ekwipaġġ tiegħu għadda minnha.

Il-baħar kalm u l-ambjent seren tal-Port il-Kbir jikkuntrastaw bil-kbir mad-drama li t-tanker El Hiblu 1 u l-ekwipaġġ tiegħu għaddew minnha meta mal-mitt immigrant ġew salvati u ttellgħu abbord it-tanker ftit ‘il barra mill-kosta Libjana, u s-sigħat li segwew, wara li allegatament ħamsa mill-immigranti ħatfu l-kontroll tal-vapur, u ġiegħlu lill-kaptan idawwar ir-rotta mil-Libja lejn Malta.

Għalkemm din hija l-verżjoni li qed tingħata s’issa, id-dinamika tal-allegat ħtif tal-vapur għadha qed tkun investigata mir-reqqa mill-pulizija u f’inkjesta maġsterjali. Sorsi qalu lil Television Malta, li bosta possibiltajiet qed ikunu mistħarrġa, qabel mal-pulizija tikkonkludi li għandha każ biex tressaq persuni l-Qorti.

Sorsi qalu li abbord il-vapur ma nstabu l-ebda armi li setgħu ntużaw biex il-kaptan ġie mhedded. Madankollu, in-nuqqas ta’ sejba ta’ armi ma teskludix lanqas il-possibiltà li l-kaptan xorta ħassu mhedded, sakemm fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, skwadra speċjali ta’ suldati tal-forzi armati wettqet operazzjoni f’nofs ta’ baħar bis-suldati telgħu abbord u reġgħu taw il-kontroll tal-vapur lill-kaptan.

Wara li l-Ħamis filgħodu żbarkaw il-mitt immigrant, li ħafna minhom ittieħdu fiċ-ċentru tal-Marsa, il-membri tal-ekwipaġġ baqgħu abbord, għalkemm sorsi li tkellmu ma’ TVM qalu li parti mill-ekwipaġġ ukoll qed jiġi investigat mill-pulizija, kif qed jiġu investigati l-ħames immigranti li allegatament heddew lill-kaptan biex ibiddel ir-rotta. Waqt li l-Kummissjoni Ewropea ġiet infurmata mill-Gvern b’dan il-każ, il-pulizija għamlu diversi kuntatti ma’ awtoritajiet oħrajn bħala parti mill-investigazzjonijiet tagħhom.

Sadanittant, mill-mitt immigranti Afrikani li nġiebu Malta abbord l-El Hiblu 1, hemm uħud minn pajjiżi bħas-Senegal, li mhux normali jikkwalifikaw għal status ta’ protezzjoni umanitarja.