Barranin
L-EMA tgħid li l-blood clots għandhom jitniżżlu bħala side effects “rari ħafna” għat-tilqima tal-AstraZeneca

L-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea l-EMA qalet li l-benefiċċji tal-vaċċin ta’ Oxford-AstraZeneca jegħlbu r-riski marbuta magħha. L-EMA rrakkomandat li l-blood clots għandhom jitniżżlu bħala side effects rari ħafna tat-tilqima.

Il-President tal-Kumitat li assessja r-riskji marbuta mal-vaċċin, Sabine Straus tenniet li l-benefiċċji marbuta mal-vaċċin tal-AstraZeneca huma stabbiliti sew u r-riskji huma rari ħafna.

Strauss innotat li kien hemm 53 każ rapportat ta’ trombożi minn fost 34 miljun persuna li tlaqqmu bil-vaċċin tal-AstraZeneca.

Hija qalet li l-konklużjonijiet tagħhom hi l-formazzjoni tal-blood clots huma side effects rari ħafna tal-vaċċin. Żiedet tgħid li ma ġiet identifikata l-ebda kawża speċifika għall-inċidenti tat-tagħqid tad-demm u lanqas ġew identifikati xi fatturi ta’ riskju speċifiċi.

Straus żiedet tgħid li ġiet ikkummissjonata aktar riċerka u analiżi tal-vaċċin tal-AstraZeneca biex tiġi investigata l-kwistjoni.

Din id-deċiżjoni twitti t-triq biex jissokkta l-programm ta’ vaċċinazzjoni bl-użu tal-vaċċin tal-AstraZeneca mingħajr aktar dewmien fl-Ewropa. Dan wara ġimgħat ta’ inċertezza dwar is-sigurtà tagħha.

F’pajjiżna, it-tilqima tal-AstraZeneca qed tingħata lill-persuni li għandhom 70 sena jew anqas bil-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jgħid li f’Malta ma ġie rrapportatat ebda każ ta’ tagħqid tad-demm.