Lokali
‘L-emendi proposti fl-Att dwar il-Professjoni tal-Inġiniera huma detrimentali’ – L-Inġinier Micallef

Il-President tal-Kamra tal-Inġinera, Daniel Micallef, qal li l-emendi proposi fl-Att dwar il-Professjoni tal-Inġiniera huma ta’ detriment għall-professjoni.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Micallef qal li bl-emendi proposti d-definizzjoni ta’ “Inġinier” ser tinbidel ma “Servizzi ta’ Inġinerija”. Huwa qal li b’hekk persuni inqas kwalifikati se jkunu jistgħu jagħmlu servizzi ta’ inġinerija.

“Jista’ jkollok sitwazzjoni fejn kuntrattur jew industrija partikulari tuża s-servizzi ta’ persuna mhux kwalifikata xejn bla ebda forma ta’ taħriġ bażiku u s-servizzi ta’ din il-persuna jistgħu ma jkunux ivverifikati minn professjonist.”

L-Inġinier Micallef qal li l-Att Rivedut juri li l-attivitajiet tal-inġinier jirreferu biss għaċ-ċertifikazzjoni ta’ kwalunkwe servizz ta’ inġinerija mekkanika jew elettrika.

Dr Micallef talab għal estensjoni biex ikun hemm diskussjoni fost l-Inġiniera qabel dawn l-emendi jghaddu mil-Parlament.

Fi stqarrija, il-Bord tal-Professjoni tal-Inġinerija qal li jrid jassigura li l-interess aħħari ta’ dan il-proċess leġiżlattiv huwa li l-professjoni tal-inġiniera tingħata aktar rikonoxximent. Il-Bord qal li se jkompli bil-proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kamra tal-Inġiniera sakemm jintlaħaq ftehim.