Lokali
L-Emirates terġa’ tibda ttir lejn Malta

Il-linja tal-ajru Emirates se terġa’ tibda topera bejn Dubai u Malta mill-14 ta’ Lulju li ġej. Fil-vjaġġ, mill-ġdid, se jkun hemm waqfa f’Larnaca f’Ċipru.

Fi stqarrija, l-Emirates qalet li se tibda ttir lejn Malta tliet darbiet fil-ġimgħa. Se titlaq minn Dubai kull nhar t’Erbgħa, Ġimgħa u Ħadd fit-8am, tasal Larnaca fil-11.10am u ttemm il-vjaġġ f’Malta fl-2.05pm. Lura, l-Emirates se tibda tħalli Malta fit-3.35pm, tasal Larnaca fis-7pm u tinżel Dubai fis-1.05am.

Il-linja tal-ajru fissret li mit-2 ta’ Ġunju qed tqis li l-passiġġieri kollha li għandhom ħames snin jew aktar abbord l-Emirates fi triqithom lejn Malta jrid ikollhom ċertifikat li juri riżultat negattiv ta’ Covid-19. It-test, irid ikun ittieħed 72 siegħa qabel il-wasla f’Malta. Żiedet, li maċ-check-in, dak li jkun irid juri wkoll PCR test negattiv biex jitħalla jtir lejn Malta u jrid jimla l-Passenger Locator Form.

Intant, il-Maltin li ħadu ż-żewġ dożi tat-tilqima kontra l-Covid-19, minflok PCR test negattiv, jistgħu juru ċ-ċertifikat tat-tilqim bħala xhieda li huma mlaqqma kontra l-virus għalkollox.