Temp
L-emissjonijiet mill-vetturi u t-tagħmir tal-arja kundizzjonata l-akbar kontributuri għat-tibdil fil-klima

L-għargħar katastrofiku tal-aħħar jiem li ħalla ħerba f’meded kbar ta’ art fil-punent tal-Ewropa u aktar minn 200 persuna mejta fil-Ġermanja u l-Belġju huwa eżempju wieħed tal-effetti li t-tibdil fil-klima qed iħalli madwarna. Malta mhix eċċezzjoni u ħajjitna hi affettwata wkoll minn dan il-fenomenu!

F’intervista maċ-ċentru tal-aħbarijiet, id-direttur tal-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università, il-Professur Maria Attard, qalet li l-emmissjonijiet mill-vetturi u mit-tagħmir tal-arja kundizzjonata huma l-aktar li qed jagħmlu ħsara fl-ambjent tagħna u jaffettwaw it-tibdil fil-klima.

Xjentisti jsostnu li kulħadd hu responsabbli għall-effetti fuq il-klima, u t-tibdil li qed naraw iseħħ ma jistax jitwaqqaf iżda l-aktar li nistgħu nagħmlu hu li nnaqqsu l-effetti tiegħu.

Id-direttur tal-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università, il-Professur Maria Attard, qalet li fil-każ ta’ Malta l-emmissjonijiet mill-vetturi u mit-tagħmir tal-arja kundizzjonata huma l-aktar li qed jagħmlu ħsara fl-ambjent – b’effetti fuq it-tibdil fil-klima. Spjegat li ż-żieda fl-għadd ta’ vetturi fit-toroq – li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jaqbżu l-erba’ mija u tmint elef – qed jagħmlu l-akbar ħsara.

“Issa aħna li qlibna l-powerstation għall-gass naqqasna ħafna mill-emmissjonijiet ta’ CO2 li kienu joħorġu mill-power station, però pattejnieha biż-żieda fil-karozzi, u l-karozzi għandhom effett naqra ikbar għax qegħdin fit-toroq tagħna barra l-bieb tagħna allura l-emmissjonijiet tal-gass għas-saħħa partikolarment – ovvjament għall-klima hemm effett ikbar – imma għas-saħħa huwa iktar dirett.”

Il-Professur Attard żiedet li problema li qed tikber b’rata mgħaġġla, u li ftit li xejn qegħdin nagħtu kasha, ġejja mill-hydrocarbons li huma gassijiet ħżiena għall-klima li joħorġu mill-air conditioners.

“Irridu naħdmu ħafna mgħaġġla fuqha hija l-emmissjonijiet li qed joħorġu mill-bini għax aħna għandna bini li mhux addattat – it is not sustainable. Jiġifieri m’għandniex insulation, bricks li jiksħu u jisħnu malajr. Twieqi li mhumiex double glazed u ma jżommux sħana u kesħa, allura nispiċċaw b’ħafna airconditioning units jagħtu biex nipprovaw jew insaħħnu jew inkessħu.”

Il-Professur Attard spjegat li mir-rapporti li l-Gvern jibgħat lill-Konvenzjoni fuq it-Tibdil fil-Klima joħroġ li t-temperaturi f’Malta qed jogħlew waqt li x-xita qed tonqos, iżda meta tinżel qed tkun aktar b’saħħitha u f’inqas ħin u għalhekk tikkawża għargħar/ Irreferiet għal studju li sar ftit snin ilu dwar l-effett tat-tibdil fil-klima fuq l-infrastruttura tat-toroq.

“Sibna li 19% tal-infrastruttura tegħreq. Issa dan meta kellna ħafna inqas toroq, ħafna inqas tarmac iktar siġar li kienu qed jassorbu l-ilma. Jiġifieri aħna iktar ma nneħħu s-siġar u nagħmlu t-tarmac iktar qed inżiedu l-feroċità tal-għargħar li taffettwa mbagħad ovvjament iktar u iktar toroq.”

Żiedet li maż-żmien hemm ċans li nitilfu mill-kosta minħabba li jogħla l-livell tal-baħar – b’konsegwenzi fuq infrastrutturi prinċipali bħalma huma l-portijiet u lokalitajiet mal-livell tal-baħar.

Il-Professur Attard qalet li l-effetti tat-tibdil fil-klima li bdejna nesperjenzaw fl-aħħar erba’ snin huma effetti li kienu mbassra li jseħħu mat-tmenin sena oħra.