Barranin
L-emissjonijiet tal-karbonju qed jiżdiedu f’20 pajjiż sinjur fid-dinja

Studju ġdid sab li l-emissjonijiet tal-karbonju qed jiżdiedu f’20 pajjiż sinjur fid-dinja.

Il-Climate Transparency Report qal li din is-sena l-emissjonijiet tal-karbonju f’dawn l-20 pajjiż se jiżdiedu b’4% wara li kien naqsu b’6% fl-2020 minħabba l-pandemija. Iċ-Ċina, l-Indja u l-Arġentina mistennija jaqbżu l-livelli tal-2019.

L-awturi tar-rapport qalu li ż-żieda kontinwa fl-użu tal-fossil fuels qed timmina l-isforzi biex titrażżan it-temperatura.

Ġimagħtejn ‘il bogħod mill-konferenza tal-COP26 li se tiftaħ fi Glasgow fl-Iskozja, in-negozjati se jkun iebsin biex fost oħrajn il-pajjiżi jimpenjaw ruħhom li jieħdu l-passi meħtieġa biex it-temperatura globali tad-dinja ma tiżdiedx b’aktar minn 1.5 gradi celcius.